Il-lingwa hija għodda li biha nikkomunikaw kuljum, u aktar kemm wieħed ikun jaf lingwi, aktar jinfetħu toroq sabiex ikun jista’ jifhem aktar nies minn pajjiżi differenti.
Dan kien is-sentiment wara ċ-ċelebrazjoni tal-Jum Ewropew għal-Lingwi, fejn ġiet iċċelebrata wkoll id-diversità ta’ lingwi li jintużaw fl-Unjoni Ewropea.
F’Tas-Sliema fejn ġie ċċelebrat dan il-jum, wieħed seta’ jsir jaf aktar fuq il-lingwi użati fl-Unjoni Ewropea. ONE News tkellem fost l-oħrajn ma’ Annabelle Xerri, li hija ċ-Chairperson tal-Kunsill tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija, liema lingwa hija waħda mit-tliet lingwi uffiċċjali f’pajjiżna.
Hija spjegat kif il-lingwa tas-sinjali bil-Malti sfortunatament ma tintużax minn kull min huwa nieqes mis-smigħ, u għalhekk hija appellat lil dawk neqsin mis-smigħ u anke dawk li m’humiex, sabiex dawn kollha jitgħallmu din il-lingwa.
Qalet, “Hija mportanti ħafna li n-nies jifhmu għalfejn huwa mportanti l-lingwa tas-sinjali Maltija. Din hija lingwa uffiċċjali ta’ Malta, u aħna nixtiequ iktar għarfien. Nixtiequ li persuni nieqsin mis-smigħ jużaw din il-lingwa, persuni jisimgħu jużawha wkoll, imma speċjalment dawk neqsin mis-smigħ.”
Intant, David Schembri li huwa Uffiċċjal tal-Lingwa fi ħdan ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, spjega kif aktar għarfien tal-lingwi tfisser aktar opportunitajiet.
Dan hekk kif bl-għarfien tal-lingwi jinfetħu l-bibien sabiex wieħed ikun jista’ jifhem id-dinja ta’ madwaru b’mod differenti.
Stqarr, “Dik hija l-idea wkoll li aħna nixtiequ nippromwovu t-tagħlim ta’ lingwi differenti lin-nies li jgħixu Malta, li mhux biss għandhom jitgħallmu l-Ingliż u l-Malti, iżda x’fiha jekk titgħallem l-Ispanjol, it-Taljan, il-Franċiż u l-Ġermaniż. Dawn huma kollha mezzi biex ningħaqdu iktar bħala kontinent, bħala Ewropa u biex nifhmu iktar lil ħaddieħor.”
Waqt dan il-jum kienet għaddejja wkoll il-kampanja L-Ilsien Malti għal Qalbi, li kienet tnediet sabiex tissalvagwardja l-lingwa Maltija, u tara li l-Malti jintuża tajjeb.
Dwar din il-kampanja tkellem Keith Azzopardi li huwa parti mit-tim kordinattiv tal-kampanja, li ta wkoll rendikont ta’ dak li rnexxielha tikseb il-kampanja għal-lingwa Maltija.
Irrimarka, “S’issa missejna mal-Malti għall-barranin, u fost it-temi oħra li se mmissu magħhom hemm il-Malti u l-edukazzjoni, il-Malti u l-letteratura, u ‘il quddiem se jkollna wkoll temi oħra li se nħarsu lejhom.”