Il-Jum Dinji tad-Drittijiet tal-Konsumatur osservat fil-15 ta’ Marzu, iservi bħala pjattaforma globali biex tippromwovi l-għarfien u tħeġġeġ id-drittijiet tal-konsumatur.
Dan il-jum, li ilu jkun iċċelebrat mil-1983, jenfasizza l-importanza li l-konsumatur jingħata s-setgħa li jagħmel għażliet infurmati u jirrikonoxxi d-dritt tagħhom bħala xerrejja.
Il-Ġimgħa filgħodu l-MCCAA, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, organizzat stand informattiv fil-Belt Valletta u sensiela ta’ erba’ sessjonijiet ta’ informazzjoni immirati sabiex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-konsumatur. Rappreżentanti tal-MCCAA kienu preżenti sabiex jiddiskutu u jipprovdu informazzjoni fuq mistoqsijiet li jista’ jkollhom konsumaturi, negozjanti u l-pubbliku in ġenerali.
Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni koprew materji bħal-garanzija tal-konsumatur, l-indikazzjoni tal-prezz, id-drittijiet ta’ passiġġiera tal-ajru kif ukoll x’għandu jagħmel wieħed biex iwassal ilment lill-Awtorità.
Tkellimna ma’ Odette Vella, Direttriċi fl-Uffiċċju tal-Konsumatur li qaltilna li wieħed jista’ faċilment iwassal l-ilment tiegħu permezz tas-sit tal-Awtorità.
“Mela bażikament jista’ jsir kollox online lanqas għandek għalfejn toħroġ mid-dar, tidħol fis-sit elettroniku tal-MCCAA għandna l-complaint form, timliha tista’ themeż magħha kwalunkwe dokumentazzjoni li għandek relatata max-xiri bħal irċevuta, garanzija, kuntratt tax-xiri, evidenza tal-problema dwar il-prodott jew servizz li inti għandek u tista’ tagħmel kollox online jiġifieri tista’ tibqa’ d-dar. Jekk forsi m’intiex komdu li tagħmel l-ilment tiegħek online iżda tippreferi tiġi fiżikament, l-uffiċċju tagħna tista’ tagħmel dan ukoll aħna miftuħin għall-pubbliku bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa kuljum filgħodu u nhar ta’ Erbgħa nibqgħu miftuħin sal-4:00pm”
Odette Vella – Direttriċi tal-Uffiċju tal-Konsumatur
Ħadna wkoll kumment ta’ Grace Stivala, id-Direttur Ġenerali tal-Affarijiet tal-Konsumatur.
“Normalment ikun problemi fuq garanziji, l-ewwel sentejn tal-garanzija legali jkollhom problemi u jiġu għandna jekk ma jkunux solvew il-problema tagħhom mal-bejjiegħ, ikollna wkoll mistoqsijiet fuq id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, jiġfieri aħna nilqgħu wkoll dawk l-ilmenti, jiġifieri bażikament dawk huma, d-drittijiet bażiċi tal-konsumaturi li aħna dejjem nużaw.”
Grace Stivala – Id-Direttur Ġenerali tal-Affarijiet tal-Konsumatur