Is-supporters klabb Malti tat-tim tal-futbol Taljan AS Roma twaqqaf fi Frar tal-1973 u din is-sena qed jiċċelebra l-50 anniversarju tiegħu.
Dan is-supporters klabb bħalissa għandu madwar 200 membru u għandu rikonoxxenza bħala l-eqdem klabb tal-partitarji ta’ Roma barra l-Italja li baqa’ attiv fiż-żminijiet tajbin u ħżiena tal-klabb matul l-aħħar 50 sena.
Ir-Roma Club Malta qed jiċċelebra dan l-anniversarju permezz ta’ numru ta’ attivitajiet mifruxa matul is-sena.
F’Marzu saru arranġamenti biex delegazzjoni żżur il-leġġenda ta’ Roma Bruno Conti fiċ-ċentru tat-taħriġ tal-klabb fi Trigoria u tippreżentalu token f’isem il-supporters Maltin, token li jonora l-għexieren ta’ snin twal ta’ servizz tiegħu lil AS Roma.
Huwa ttratta lir-rappreżentanti Maltin bil-ħbiberija kbira fen magħhom tkellem dwar l-esperjenza tat-Tazza tad-Dinja tal-1982, dwar ir-rebħa tas-Serie A fl-istaġun 1982-83 u l-finali tat-Tazza Ewropea tal-1984.
Lejlet il-partita ta’ kwalifikazzjoni Ewropeja ta’ Malta kontra l-Italja, uħud mill-membri ta’ dan is-supporters klabb kellhom il-pjaċir li jiltaqgħu mal-captain attwali ta’ Roma Lorenzo Pellegrini. Anke Pellegrini wera kortesija u disponibbiltà kbira minkejja l-impenji tiegħu mat-tim nazzjonali Taljan.
Il-President ta’ Roma Club Malta s-Sur Ray Sant ġie intervistat ukoll minn Il Romanista, il-ġurnal tal-partitarji ta’ Roma madwar id-dinja, fejn ta’ dettalji dwar is-supporters klabb ta’ Malta u dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju.
Ġiet estiża wkoll stedina lill-leġġenda ta’ Roma Aldair biex iżur l-klabb Malti din ir-rebbiegħa u huwa antiċipat li f’Mejju jinġieb f’pajjiżna it-tim ta’ taħt it-tnax il-sena ta’ Roma.