“Il-pajjiżi tal-Mediterran dejjem għandhom jingħaqdu u jiddjalogaw.”
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, waqt diskors f’Jum il-Mediterran.
Il-Ministru Bartolo saħaq li dak diskuss f’Helsinki fis-sebgħinijiet dwar l-importanza li ssaltan il-paċi fil-Meditteran biex ikun hemm stabbilità fid-dinja, għadu jispira lill-pajjiżi Mediterranji sabiex jiddjalogaw.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Evarist Bartolo fakkar kif kull min ried jaħkem lill-Mediterran, ipprova jaħkem jew ħakem lil Malta.
Qal kif Malta tista’ tkun kruċjali biex tkun fuq quddiem tal-ħelsien u l-ġustizzja ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun.
Semma kif fil-preżent, il-Mediterran qed jaffaċċja diversi sfidi.
Qal, “Dan huwa post fejn il-klima, l-emerġenza tal-klima qed tinħass ħafna iżjed minn postijiet oħra, bin-nixfa jew bl-għargħar għax it-temp li qed jagħmel huwa estrem, jagħmel ħafna xita u fl-istess ħin ma jagħmilx xita.”
Sfida oħra li semma l-Ministru Bartolo hija dik li tinbidel l-ekonomija bbażata fuq iż-żejt għal waħda sostenibbli.
Waqt din il-konferenza tkellmu wkoll l-Ambaxxaturi ta’ Spanja u l-Eġittu, fejn saħqu fuq l-għaqda u s-sostennibiltà.
Huma urew l-apprezzament lejn Malta, li tul l-istorja kienet u għadha ċentrali sabiex dan ir-reġjun ikun wieħed ta’ paċi.