Quddiem folla kbira fi Pjazza Kastilja, li fostha spikkaw l-ilwien tal-bandiera Maltija, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem dwar l-irwol ta’ kull ħaddiem f’pajjiżna biex jitfassal u jitwettaq futur aħjar.
Waqt l-ewwel attività tal-massa wara tliet snin minħabba l-pandemija, il-Mexxej Laburista tkellem dwar il-ħaddiema u d-deċiżjonijiet kruċjali li ttieħdu fl-aħħar snin biex il-ħobża ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna tiġi protetta.
Dan wassal biex illum, għall-ewwel darba f’pajjiżna, għandna inqas minn elf persuna tirreġistra għax-xogħol.
Qal, “Illum huwa l-aktar li jistgħu jiċċelebraw nies Jum il-Ħaddiem għax qatt daqs illum ma kien hawn ħaddiema f’dan il-pajjiż. Kważi mitejn u ħamsa u sebgħin elf ħaddiem! Mitt elf ħaddiem aktar mill-elfejn u tlettax. Dan huwa l-aqwa legat ta’ dan il-moviment: ix-xogħol.”
Il-Prim Ministru qal li, ftit iktar minn xahar ilu, il-poplu warrab fil-ġenb il-politika tal-passat u għażel ir-rebbiegħa mwiegħda mill-Partit Laburista ta’ bidu ta’ perjodu sabiħ għal pajjiżna.
Flimkien, bis-sehem ta’ kull ħaddiem, dan il-futur jista’ jitwettaq.
Spjega, “Illum ninsab determinat iktar minn qatt qabel li nibqgħu forza b’saħħitha favur ix-xogħol. Favur il-ħolqien tiegħu u fuq kollox favur minn jaħdmu: favur il-ħaddiem. Li nistgħu ngħidu bi kburija hu li, minkejja li fl-aħħar tliet snin ma ċċelebrajniex Jum il-Ħaddiem fil-pjazez, lill-ħaddiem iċċelebrajnieh ma’ kull jum li għadda. Iċċelebrajnieh bid-deċiżjonijiet li ħadna biex inħarsulu l-impjieg, biex ma nitfgħux fuqu piżijiet ġodda.”
Dr Abela semma diversi investimenti u miżuri fl-edukazzjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-ħiliet għal xogħlijiet ta’ kwalità.
Semma kif, is-sena l-oħra, meta konna għadna f’pandemija, kien hawn tliet mitt miljun ewro f’investiment ġdid u għalhekk l-importanza tal-edukazzjoni, għax ix-xogħol li qed jinħoloq iħallas tajjeb.
Semma proġetti kbar fis-settur tal-manifattura u niċeċ ġodda fil-farmaċewtika. Elenka wkoll oqsma bħall-avjazzjoni u l-mediċina.
Qal, “Din il-ġimgħa stess, l-Awtorità tal-Mediċini evalwat u ħarġet żewġ liċenzji oħra fil-qasam tal-kannabis mediċinali li se joħolqu impjiegi speċjalizzati. Ir-riċerka u żvilupp saru ċentrali f’oqsma tax-xjenzi. U t-teknoloġija u s-sostenibilità huma niċeċ ta’ tkabbir ekonomiku kbar għal pajjiżna. Uliedna għandhom quddiemhom futur sabiħ. Xogħol ta’ kwalità. Xogħol li se jiftħilhom orizzonti ġodda.”
Jiem qabel tissokta l-ħidma Parlamentari b’tim ġdid, frisk, u b’esperjenza, il-Prim Ministru wiegħed aktar ħidma biex dan il-pajjiż ikollu l-prosperità ġdida li tant tixraqlu.
Dan billi l-elf proposta li ġew ippreżentati quddiem il-poplu ftit aktar minn xahar ilu jieħdu l-ħajja u jitwettqu.
Qal, “Fil-Baġit li se nkunu qed nibdew naħdmu fuqu fil-ġimgħat li ġejjin, sejrin nagħtu l-ewwel imbuttatura kbira lill-manifest ‘’Malta Flimkien’. Lesti biex niġġeddu u nibqgħu noħorġu b’ideat ġodda. Hekk biss nibqgħu l-futur. Flimkien irridu nkomplu fit-triq li bdejna tant snin ilu. Pajjiz aktar ġust. Pajjiż aktar ħanin. Għawdex u Malta isbaħ. Għawdex u Malta fejn kulħadd jista’ jaspira u jikseb dak li jaspira. Għawdex u Malta Flimkien.”