Jum San Valentinu b’differenza, hekk kif fl-erbatax ta’ Frar tas-sena d-dieħla se jsir kunċert fl-MFCC f’Ta’ Qali mill-kantant tad-duo Modern Talkin, Thomas Anders u l-band tiegħu.
In-noti tal-kanzunetti ta’ dan il-grupp żgur li huma magħrufa mal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin, tista’ tgħid kull ġenerazzjoni imma speċjalment dawk li għandhom għal qalbhom il-mużika tas-snin tmenin.
L-organizzatur, Peter Caruana ta togħma ta’ dak mistenni minn dan il-kunċert mimli spettaklu.
Qal, “Ħa nisimgħu l-aqwa mużika li ħarġu fit-tmeninijiet bħal Cheri Cheri Lady, Atlantis is Calling, You’re my Heart You’re my Soul, dawn id-diski ferm popolari li l-Maltin u l-Għawdxin l-ħin kollu jistaqsu għalihom ukoll fuq ir-radju, ikun hemm ħafna requests.”
L-organizzatur spjega kif mal-mument li ħabbru l-kunċert, l-istennija għal Thomas Anders kienet kbira.
Spjega, “Meta ħabbarna li se jiġi Thomas Anders tal-Modern Talking, bdew jgħidulna imma żgur hu ġej? Għidnilhom iva għalhekk qed insemmuh b’ismu nnifsu, huwa l-isem tal-vocalist tal-grupp Modern Talking flimkien mal-band tal-Modern Talking se jiġu Malta għal dan il-kunċert spettakolari fl-erbatax ta’ Frar li ġej.”
Il-kunċert se jimxi mal-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom biż-żamma tad-distanza soċjali, biċ-ċertifikat tal-vaċċin u diversi entraturi mqassma ’l bogħod minn xulxin minn fejn jistgħu jidħlu n-nies.
Qal, “Jistgħu jserrħu rashom in-nies li qed nieħdu l-miżuri kollha għax aħna rridu li n-nies jiġu jieħdu pjaċir b’moħħhom mistrieħ, fil-fatt qed ngħidu wkoll li kull min se jattendi jrid ikun vaċċinat, irid juri ċ-ċertifikat tal-vaċċin mal-bieb ovvjament flimkien mal-biljett tad-dħul.”
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit www.ticketline.com.mt.