Kull sena jiżdiedu l-varjazzjonjiet kreattivi fid-dwal tal-Milied. L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fakkret lill-konsumaturi dwar pariri bażiċi ta’ sigurtà relatati ma’ prodotti li normalment jinxtraw waqt dan l-istaġun tal-festi.
Skont il-programm ta’ sorveljanza tas-suq tal-awtorità, l-ispezzjonijiet dwar dawn il-prodotti ilhom għaddejjin matul dawn l-aħħar ġimgħat u diġà nstabu fuq is-suq numru ta’ prodotti li mhumiex konformi. Riċentement, saru sensiela ta’ testijiet fuq diversi settijiet tad-dawl li jistgħu jinstabu fuq is-suq Malti. Żewġ prodotti, kif indikat fir-ritratti inklużi fl-artiklu isfel, irriżultaw li mhumiex sikuri peress li r-riskju li jimponu dawn il-prodotti huwa dak ta’ xokk elettriku. Minħabba l-għamla fqira ta’ dawn is-settijiet tad-dawl, xi partijiet jistgħu jinkisru u jesponu kurrent elettriku u jekk jintmessu, ngħidu aħna aċċidentalment mit-tfal, jista’ jwassal għal xokk elettriku u anki għall-mewt.
L-MCCAA twissi l-operaturi ekonomiċi li l-prodotti msemmija hawn fuq għandhom jitneħħew immedjatament mis-suq u titteħed azzjoni kontra min jagħżel li jkompli joffri dawn il-prodotti għall-bejgħ. L-awtorità tagħti wkoll pariri lill-konsumaturi biex joqogħdu lura milli jużaw dawn il-prodotti u jirritornawhom minn fejn xtrawhom.
L-MCCAA tixtieq tieħu din l-opportunità biex tfakkar lill-konsumaturi li, meta jixtru t-tali dekorazzjoniijiet elettriċi, għandhom dejjem ifittxu l-marka CE. Din hija indikatur importanti tal-konformità tal-prodott mal-liġijiet applikabbli tal-UE. Barra minn hekk, wieħed għandu jara li l-prodott għandu l-vultaġġ adattat għas-sistema elettrika lokali (230V, 50Hz); jara li t-twissijiet rilevanti bil-Malti jew Ingliż jakkompanjaw il-prodott; u li l-prodott għandu konnessjoni ta’ 3-pin diretta mas-sistema elettrika lokali.
F’każ li l-konsumaturi jkollhom kwalunkwe diffikultajiet rigward is-sigurtà tal-prodotti msemmija hawn fuq jew dwar prodotti oħrajn, huma mħeġġa li jikkuntattjaw id-Divizzjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-MCCAA fuq 2395 2000 jew msd.mccaa@mccaa.org.mt.