Parti mill-art fl-impjant tad-dranaġġ fiż-żona li tissejjaħ taċ-Ċumnija fil-Mellieħa ċediet aktar kmieni llum, dan skont il-Korporazzjoni tas-Servizz tal-Ilma (WSC).
Il-ħsarat fl-istruttura saru f’sezzjoni ġdida fejn dranaġġ li jkun diġà għadda minn proċess ta’ tisfija jerġa’ jissaffa biex jintuża għall-agrikoltura.
L-istqarrija qalet li l-ħsarat żviluppaw waqt l-ittestjar tax-xogħlijiet minn kuntrattur.
Fi stqarrija separata l-Gvern qal li fid-dawl ta’ dak li ġara fl-impjant, bħalissa għaddeja investigazzjoni wara li l-Gvern ġie infurmat dwar ħsarat strutturali.
Il-Gvern ħatar numru ta’ esperti sabiex imexxu l-investigazzjoni ħalli tkun analizzata s-sitwazzjoni u jkunu stabbiliti l-fatti kif seħħew. Abbażi ta’ dan, il-Gvern se jagħti direzzjoni lill-WSC biex tieħu l-azzjonijiet meħtieġa.