“Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jrid jiltaqa’ mal-MCESD biex jiddiskuti l-isfidi fis-settur tal-enerġija, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli diġà ltaqgħet u se tkompli tiltaqa’ mal-MCESD biex tiddiskuti s-soluzzjonijiet, fosthom l-akbar investiment fid-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.”
Sostna dan l-istess Ministeru għall-Enerġija hekk kif, permezz ta’ stqarrija, ġie spjegat li l-imsieħba soċjali kienu, għadhom u se jibqgħu jiġu aġġornati bl-investiment li qed isir fis-sistema tad-distribuzzjoni ta’ pajjiżna. Dan anke f’laqgħat li għalihom jattendu wkoll it-tekniċi.
B’referenza għal dikjarazzjonijiet li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni t-Tnejn, il-Ministeru rrimarka wkoll kif Bernard Grech irrefera wkoll għall-kumpens meta l-imsieħba soċjali kienu involuti fis-sistema ta’ kumpens li diġà ġiet imfassla u li se terġa’ titħaddem dan is-sajf.
Sadanittant, kif anke kien spjegat mill-Ministru Miriam Dalli u t-tmexxija tal-Enemalta fi press briefing is-Sibt li għadda, il-Ministeru fakkar kif din is-sena diġà tqegħdu 82 kilometru ta’ cables taħt l-art u saru 32 substation ġdida.
Fl-istess ħin sar xogħol fuq 36 transformer f’substations u sar il-bdil ta’ 22 switchgear f’substations differenti. Dan bħala parti minn pjan intensiv li għandu jkompli jibni fuq ir-riformi fis-settur tal-enerġija fl-aħħar snin.
Fl-ewwel fażi ta’ dan l-investiment sar xogħol fiż-żoni ta’ Wied il-Għajn, il-Kalkara, Bormla, il-Birgu, iż-Żurrieq, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Ħal Far, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa, ir-Rabat, il-Mosta u n-Naxxar f’Malta. F’Għawdex saru xogħlijiet fil-Qala, Ta’ Sannat, in-Nadur, ix-Xlendi u parti minn Marsalforn.
Fit-tieni fażi tax-xogħlijiet, li bdiet diġà, se jsir xogħol mill-Marsa għas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar u Rikażli, San Ġwann, San Ġiljan u l-Gżira, Tas-Sliema u Ħ’Attard, Birkirkara, Ħamrun u Santa Venera, Fgura, Mellieħa, Buġibba u Qawra f’Malta. Filwaqt li f’Għawdex tkompla x-xogħol f’Marsalforn u x-Xagħra, u se jsir xogħol ta’ rinforzar fl-inħawi tal-Għarb, Kerċem, l-Għasri, San Lawrenz u r-Rabat, Għawdex.
Bejn l-2022 u l-2023, saru wkoll 80 substation ġdida, 18km ta’ Medium Voltage Reinforcements, 44 switchgear replacement, 22 transformer uprate u 145 feeder, fost oħrajn.
Ma’ dawn kien hemm estensjoni taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni f’Marsaskala, fl-Imrieħel u f’Ħal Tarxien. Bħala parti minn fażi oħra ta’ investiment fid-distribuzzjoni se jsiru ċentri ġodda fis-Siġġiewi u fin-Naxxar.
Dwar dan, tkellem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista waqt il-programm ‘Paperscan’ fuq ONE il-Ħadd, fejn sostna kif l-investiment fuq it-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku se jintensifika fix-xhur li ġejjin.