“L-amministrazzjoni tal-Isptar flimkien mal-Kap tad-Dipartiment tat-Tqala qegħdin jiċċaraw li l-perjodu li tulu l-omm tinżamm l-Isptar huwa skont prattiċi internazzjonali segwiti minn sptarijiet Ewropej u Ingliżi u li fl-ebda ħin ma qegħda tiġi kompromessa s-saħħa jew is-sigurtà tal-pazjenti.”
Dan intqal fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa hekk kif saret referenza għal stejjer ippubblikati fuq ċerti siti dwar proċeduri tad-Dipartiment tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija tal-Isptar Mater Dei u l-perjodu ta’ ammissjoni fl-Isptar tan-nisa tqal jew li jkunu welldu.
Hawn intqal li l-ommijiet li jwelldu fl-Isptar Mater Dei jibqgħu segwiti mill-qbiela fir-residenzi privati permezz tal-Community Discharge Midwifery Service, fejn il-qabla tassigura li kemm l-omm u kemm it-tarbija huma b’saħħithom – għall-ommijiet li jixtiequ dan is-servizz.
F’din l-istess stqarrija intqal li l-Isptar Mater Dei jisħaq illi l-ewwel kunsiderazzjoni dejjem tkun is-saħħa tal-omm u t-tarbija u li t-tobba u l-ispeċjalisti dejjem jaġixxu bl-aktar mod professjonali u fil-parametri ta’ prattiċi stabbiliti internazzjonalment.