- L-ERA TIKKONSULTA DWAR IŻ-ŻARMAR TA’ DELIMARA 1
M’għandniex dubju li ħadd mhu se jgħid le għall-proġett aħħari, iżda, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi hija marbuta li tikkonsulta fuq iż-żarmar tal-impjanat ta’ Delimara 1 u dan il-proċess għaddej bħalissa. Dik kienet il-power station li taħdem bil-heavy fuel oil u li kemm ilu inawgurat l-impjant tal-gass m’għadhiex tintuża.
Wara proċess ta’ konsultazzjoni li jinsab miftuħ sal-24 ta’ Lulju imbagħad issir laqgħa pubblika għar-residenti tal-akwati u l-pubbliku ġenerali. Wara l-laqgħa biex ingħata l-permess għat-tanker tal-LNG fl-aħħar xhur, din tkun it-tieni laqgħa pubblika ta’ din l-importanza li jkollha l-ERA. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jiġbor it-tagħrif dwar l-applikazzjoni li hemm quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mill-Enemalta kemm mill-uffiċċji tal-ERA jew inkella mill-Kunsilli Lokali ta’ Birżebbuġa, Marsaxlokk u ż-Żejtun. Ladarba jgħaddi dan il-proċess u jinħarġu l-permessi meħtieġa l-Enemalta tkun tista’ tkompli b’parti oħra tal-pjan tagħha biex tibdel is-settur tal-enerġija f’pajjiżna.
L-għan tal-Enemalta hu li żżarma ċ-ċumnija tal-power station Delimara 1 dan is-sajf. Din iċ-ċumnija ta’ 150 metru, l-itwal struttura fil-gżejjer Maltin, ser titwaqqa’ permezz ta’ apparat li se jkun inġieb Malta apposta, sabiex jiġu mħarsa l-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku l-oħra li hemm qrib tagħha. Il-kuntratturi Taljani speċjalizzati fit-twaqqigħ ta’ dawn it-tip ta’ strutturi ntgħażlu f’Diċembru li għadda wara sejħa għall-offerti internazzjonali.
Il-ħidma biex l-eqdem power station ta’ Delimara, li bdiet topera fl-1992, tintefa’ u tiżżarma bdiet fl-ewwel parti ta’ din is-sena meta f’pajjiżna wasal it-tanker tal-gass. Fil-fatt, dan l-impjant intefa fl-24 t’April li għadda, l-aħħar ġurnata li Malta użat il-heavy fuel oil sabiex tiġġenera l-elettriku.
Fl-istess waqt, inġiniera u periti tal-Enemalta kienu qed jaħdmu mal-kuntratturi magħżula, u mal-awtoritajiet konċernati sabiex ilestu l-pjanijiet dettaljati dwar iż-żarmar tal-impjant Delimara 1. Dan jinkludi żewġ boilers li jissaħħnu bil-heavy fuel oil (HFO), żewġ turbini tal-fwar ta’ 60 MW-il waħda, flimkien maċ-ċumnija t-twila u għadd ta’ apparat ieħor.
Iċ-ċumnija tikkonsisti fi struttura tonda tal-konkos għolja aktar minn 50 sular, b’dijametru ta’ 12-il metru. Il-ħitan tal-konkos għandhom ħxuna ta’ aktar minn żewġ metri fil-qiegħ, li jonqsu għal 60 ċentimetru fil-quċċata. Fost oħrajn f’din l-istruttura hemm żewġ pajpijiet tal-ħadid b’wisgħa ta’ 2.3 metri li minnhom kien jgħaddi d-duħħan ġej mill-ħarqa taż-żejt fil-boilers.
Il-materjali kollha, fosthom metalli u skart tal-bini, ser jinħarġu mis-sit u jiġu pproċessati b’mod sostenibbli. Fejn ikun possibbli dawn il-materjali se jiġu riċiklati.