Ta’ kull sena fi żmien il-Milied il-kmamar tal-aħbarijiet jippreparaw mawra sal-isptar Mater Dei biex jiltaqgħu mat-trabi li jitwieldu tul dawn il-jiem imqaddsa. Iżda f’San Ġwann ‘il bogħod mill-ġenn tal-festi twieldu Star u Teddy. Tewmin b’erba’ saqajn.
Minn tal-inqas f’razzett tal-baqar kull ġimgħa ikun hemm baqra waħda lesta biex teħles u twelled xi ġħoġol iżda li baqra twelled tewmin mhijiex l-ordni ta’ kuljum.
Ir-raħħal Wayne Scerri spjegalna li meta tewmin ikunu mara u raġel aktarx il-mara ma jkunx jista’ jkollha tfal. Huwa stqarr ma’ crew ta’ ONE News: “Twieldu qisu jumejn ilu u sibniehom waħedhom billejl, twieldu waħedhom billejl. Normalment qisu ma tantx ikollok tewmin imma darba fi tliet xhur hekk qisu jkollok tewmin. Fihom ħafna xogħol iż-żgħar fihom ħafna xogħol bħal trabi tan-nies.”
Star, l-għoġla li għandha biss 3 ijiem iddevertiet ruħha bil-mikrofonu tagħna waqt li sidha beda jispjega x’ħajru jidħol għal din is-sengħa impenjattiva.
Scerri sostna: “Ili hawnhekk xi 10 snin u bdejt mal-kunjatu tiegħi għax biex tibda waħdek u ma tkun taf xejn fuq il-baqar iebsa ħafna. Jekk ma jkollokx min jgħallmek, trid l-esperjenza. Kuljum b’xi ħaġa ġdida hawnhekk hux, trid tara ssolvi l-problemi. Kuljum għandek fuq xiex taħseb.”
It-tfal ċkejknin ta’ Wayne, Ella u Emma kull meta jistgħu jinżlu jagħtu daqqa t’id lil missierhom ma’ dawn il-ħlejjaq.
Ella Scerri qaltilna: “Noqogħdu ħdejn iż-żgħar u mmissuhom u ġieli ngħin lin-nannu jisqihom.”
Għal dawn ir-raħħala l-festi huma ġranet bħall-oħrajn hekk kif kull 12– il siegħa jeħilbu l-baqar u jaħżnu madwar 1,200 litru ħalib sabiex ikun jista’ jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin anki tul dawn il-jiem ta’ festi.