- 140,000 passiġġier mistennijin jgħaddu mill-MIA tul il-ġimgħa tal-Għid
- Il-passiġġieri mitlubin jikkonsultaw iċ-chart tat-traffiku tal-ajruport biex jippjanaw il-vjaġġi tagħhom
- Attivitajiet bit-tema tal-Għid pjanati għall-passiġġieri żgħar tal-MIA
Hekk kif ħafna jiddeċiedu li jsiefru biex igawdu l-vaganzi tagħhom barra mill-pajjiż, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed isaħħaħ l-operat tiegħu biex ikun jista’ jiġġestixxi l-attività miżjuda li mistennija tikkaratterizza l- ġimgħa tal-Għid. Iċ-ċkejknin li se jgħaddu mill-Ajruport se jingħataw ukoll sorpriża hekk kif grupp ta’ animaturi ser ikun qed iqassam kotba u kuluri lill-passiġġieri ż-żgħar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, filwaqt li l-karattru tal-Easter Bunny ser ikun qed iqassam il-figolli biex jagħti lill-passiġġieri togħma tradizzjonali tal-Għid.
It-tim tal-ajruport qed jistenna li t-terminal jesperjenza mal-140,000 moviment tal-passiġġieri fil-ġimgħa ta’ bejn it-12 u d-19 ta’ April. Il-vaganzi tal-Għid huma biss wieħed mill-fatturi li ser ikunu qegħdin jikkontribwixxu għal dan l-influss qawwi ta’ passiġġieri, flimkien ma’ diversi rotot u linji tal-ajru ġodda.
Madwar 21,500 moviment tal-passiġġieri huma mistennija jagħmlu t-13 ta’ April l-aktar ġurnata impenjattiva għall-ajruport fil-ġimgħa li ġejja. Ta’ min jgħid li dawn il-movimenti tal-passiġġieri f’ġurnata normalment jintlaħqu f’Awwissu, meta l-vaganzi tas-sajf ikunu fl-aqwa tagħhom.
Barra mill-vaganzi tal-Għid, il-Ħamis filgħodu huwa l-perjodu bl-aktar attività għall-ajruport, fejn litteralment eluf ta’ passiġġieri jgħaddu mitterminal f’perjodu tassew qasir ta’ żmien. Għaldaqstant, il-passiġġieri huma mitlubin ikunu t-terminal kmieni, b’mod speċjali l-Ħamis bejn is-7.15 ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar tul is-sitt xhur li ġejjin, waqt li lprogramm Cruise and Fly ikun qed jopera.
Dawk kollha li ser iqattgħu l-vaganzi tal-Għid Malta, u li qed jittamaw li jkollhom temp aktar sħun, ma għandhomx ikunu diżappuntati. Fil-fatt, l-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-ajruport qed ibassar li l-weekend ta’ bejn l-14 u s-16 ta’ April ser ikun xemxi, b’temperaturi li mistennijin jilħqu t-23°C. Fl-isfond ta’ din l-attività kollha ser ikunu qed isiru xogħlijiet fuq il-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal tal-MIA; investiment li jammonta għal €12-il miljun.
Tul is-sena, il-faċilitajiet prinċipali tal-ajruport – miċ-check-in saż-żona fejn jiġu proċessati l-bagalji u dik tal-iskrining tas-sigurtà – ser ikunu qed jiġu mtejbin sabiex ikunu jistgħu jipprovdu kapaċità miżjuda u anki esperjenza fl-ajruport superjuri. Filwaqt li t-tim tal-ajruport stqarr li jinsab preparat għal din il-ġimgħa li ġejja, qed jaħdem ukoll biex jimmitiga effetti li jista’ jkun hemm fuq il-passiġġieri.