Wara sena u ħdax-il xahar jiġġieled, u ġej u sejjer barra minn pajjiżna għall-kura minħabba l-kundizzjoni li twieled biha cerebral palsy, iċ-ċkejken Thomas Spinoche tilef il-battalja mal-mewt.
Ħmistax-il jum qabel iċċelebra għeluq sninu, Thomas ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu fl-Isptar Mater Dei.
Qraba u ħbieb taċ-ċkejken qalu ma’ one.com.mt li fl-aħħar xhur, Thomas kien qed ibati ħafna, u issa qed jistrieħ.
Thomas twieled fit-12 ta’ Mejju tal-2017, u sa mill-ewwel ġurnata tal-eżistenza tiegħu seraq il-qlub ta’ bosta bil-kuraġġ li wera fil-ġlieda tiegħu kontra l-kundizzjoni li twieled biha, minkejja li kien għadu tarbija.
Matul l-aħħar xhur kienu qed jinġabru fondi biex Thomas seta jkompli jieħu l-kura barra minn xtutna, iżda sfortunatament il-marda rebħitlu u ħalla din id-dinja.
Il-Quddiesa li se tfakkar il-ħajja taċ-ċkejken Thomas se ssir it-Tnejn fil-knisja tas-Sacre Cuor f’Tas-Sliema fis-siegħa ta’ waranofsinhar.