Happy Birthday hija l-ewwel kanzunetta li daqq Quiven.
Matul dan l-aħħar ħames ġimgħat Quiven li għandu biss ħames snin beda jitgħallem il-pjanu, minkejja li sa minn meta kien għadu ħalib ommu fi sninu tilef id-dawl t’għajnejh wara li kellu kanċer f’għajnejh.
ONE NEWS tkellem mal-ġenituri ta’ Quiven; Karen u Johann Ellul li fissru l-emozzjoni li ħassew meta semgħu lil binhom idoqq l-ewwel noti mużikali.
“L-ewwel darba li smajtu kont xogħol jien u video call smajtu bdejt ngħid il-marelli kemm hu interessat fhimt, u tħoss dak il-ferħ ġo fik e tgħid għallinqas qed jagħmel xi ħaġa li jħobb”, stqarr missier Quiven.
L-għalliem tal-pjanu Clint Spiteri qalilna li għalih Quiven huwa student normali, li jitgħallem malajr, tant li wara biss ftit lezzjonijiet diġà tgħallem idoqq il-kanzunetta ‘Happy birthday’. Sostna li kulma għandu differenti huwa li jagħmel użu mill-braille sabiex jitgħallem il-pjanu.
“Student normali għalija jiena em, intelliġenti, jaqbad mal-ewwel f’ħames lezzjonijiet tgħallem żewġ songs; happy birthday u oħra; Mary had a little lamb u dejjem nara progress fih minn lezzjoni għall-oħra”, kompla Spiteri.
Clint tenna li minkejja li hu nieqes mid-dawl, Quiven jinduna li ħa żball. Dan għax juża b’mod tajjeb ħafna s-sens tas-smigħ li għandu.
Ommu Karen qaltilna li tiddejjaq tisma’ nies jsejħu lil binha miskin; “Illum hawn aktar affarijiet, jiġifieri ġieli mmur ġo supermarket u nieħu pjaċir nara fuq is-ceral, nara l-breil u nara l-affarijiet imma hawn min speċi ta kif jarawh bil-cane u hekk nibda nismagħhom miskin miskin”.
Karen saħqet fuq l-importanza li f’postijiet pubbliċi jkun hemmn aktar tabelli u sinjali bil-breil għal nies neqsin mid-dawl.
Fuq nota pożittiva Karen qaltilna li tfal tal-iskola huma konxji li lil Quiven ma jistgħux ixxejrulu mill-bogħod imma jridu jmorru jmissuh; “Jarawh fit-triq jafu li jekk ixejrulu, iridu jiġu “hawn Quiv” u jmissuh, mhux minn faċċata, “hawn Quiv” u jxejrulu”.
Il-ġenituri ta’ Quiven qed iderruh jagħmel l-affarijiet waħdu sabiex ikun indipendenti, u dan is-sajf għallmuh jgħum u jogħdos waħdu.
“Iderrih indipendenti kemm jista’, ħalli inti hu ma jkunx piż, ‘il quddiem ma rridux ikun piż fuq ħadd”, saħqet ommu.
B’ottimiżmu għall-ġejjieni, omm Quiven temmet tistqarr magħna l-aspirazzjonijiet tagħha għal binha li minkejja dak li għadda minnu, baqa’ tifel ferrieħi u għatxan għat-tagħlim.
“Jien dejjem ngħid li ħaġa importanti fis-soċjetà, tgħid dak Quiven li minkejja d-diffikultajiet tiegħu xi ħaġa jew xi mużiċist kbir, hekk xi ħaġa hekk li jinspira in-nies”, temm tgħid omm Quiven.