Minn 315-il rakkomandazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali lis-Servizz Pubbliku ġew implimentati 90%.
Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet li mexxa s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, hu u jagħti rendikont tal-azzjoni li l-uffiċċju tiegħu ħa dwar ir-rapport mill-Awditur Ġenerali fosthom dwar kontijiet pubbliċi.
Dawn il-figuri, li nħarġu mill-Awditur Ġenerali wkoll jaqblu perfettament maċ-ċifri li qed jagħti s-servizz pubbliku fil-pubblikazzjoni annwali tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
Cutajar stqarr: “Iħoss l-obbligu li juri ħidmietu b’mod dirett u bil-figuri. Inħallu l-figuri juru kif il-ħidma qed titjieb minn sena għall-oħra. Fl-aħħar tliet snin rajna anke r-rata ta’ implimentazzjoni tiela’ fejn jidħol l-NAO li juru li l-istituzzjonijiet sabu posthom. Tliet snin ilu laħħaqna 78%, is-sena l-oħra 80% u din is-sena 90%.”
Din hija s-sitt pubblikazzjoni ta’ dan it-tip, u l-Kap taċ-Ċivil fisser kif l-uffiċċju tiegħu hu impenjat li jagħti dan ir-rendikont tal-ħidma tiegħu fid-diversi sferi tiegħu.
Cutajar semma wkoll kif dan l-impenn hu rifless ukoll fid-dokument li jippubblika kull sena dwar kemm ġew implimentati l-miżuri tal-Budget.
Mistoqsi għalfejn hu kruċjali għalih li s-Servizz Pubbliku jżomm din ir-reputazzjoni, Cutajar qalilna hekk: “Kruċjali għaliex turi li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu għaliex qed jagħtu każ ir-rakkomandazzjonijiet. Li minn 315 jitwettqu 90% diġà tgħid ħafna. Din mhux l-uniku pubblikazzjoni tagħna, u fil-fatt m’ilux ippubblikajna rendikont tat-twettiq tal-budget li wkoll kellhom persentaġġ għoli ħafna anke minkejja s-sitwazzjonijiet li qed ngħixu fihom.”