Bi gvern fi kriżi, iċ-ċittadini tal-pajjiż ġar tagħna l-Italja qed jgħixu mumenti ta’ inċertezza.
Din il-qagħda hija riżultat ukoll tal-fatt li l-instabbiltà politika qed jgħixuha f’mument meta l-piżijiet fuq iċ-ċittadini mhumiex żgħar.
Fl-Italja, bħal fil-kumplament tad-dinja, qed tinħass l-għafsa tal-għoli tal-ħajja, b’waħda mit-temi fuq nett tal-aġenda tad-diskussjoni tkun l-enerġija.
Saħansitra, tbassir tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Italja jwissi li l-ekonomija tista’ tkun f’riskju minħabba l-kriżi tal-gass.
Fl-istess ħin, iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, flimkien mal-problemi ta’ provvista, qed ikomplu jżidu l-pressjoni fuq il-konsumatur.
Bħalissa din hi diskussjoni ewlenija fl-Italja: lil hinn mill-prezzijiet tal-enerġija hemm ukoll diskussjoni dwar x’se jiġri fix-xitwa.
Id-diskors hu dwar kemm se tkun diffiċli x-xitwa.
B’hekk anke fl-Italja qed jitkellmu fuq il-faħam għall-produzzjoni tal-enerġija, xi ħaġa li pajjiżi oħra, foshom il-Ġermanja diġà bdew.
Quddiem din il-kriżi, il-gvern Taljan qed jitkellem ma’ pajjiżi oħra. Il-Prim Ministru tal-Italja Draghi żar l-Alġerija bil-għan li jingħalqu ftehimiet li jistgħu jserrħu xi ftit ras it-Taljani.
Iżda, fl-istess ħin, il-Prim Ministru Draghi qed jiffaċċja diffikultajiet politiċi u offra r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru, bis-sigħat li ġejjin ikunu strumentali biex jiġi determinat x’se jiġri u jekk l-Italja hix sejra għall-elezzjoni ġenerali bikrija.
Draghi tilef l-appoġġ ta’ wieħed mill-partiti fil-koalizzjoni tal-gvern li jmexxi, iżda fuq diversi livelli qed jintalab jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jibqa’ Prim Ministru.
Il-gwerra wara pandemija ġabet pressjonijiet kbar u l-iktar ħaġa li wieħed irid jevita hi din it-tip ta’ instabbiltà politika, hekk kif diversi pajjiżi qed jissieltu biex jirreaġixxu għal ċirkostanzi straordinarji.