Dawn huma żminijiet diffiċli mhux biss għal 2.9 miljun ċittadin li llum qiegħdin jgħixu u jaħdmu l-Ingilterra minkejja li twieldu f’pajjiżi Ewropew oħra, iżda anke għal dawk il-Brittaniċi li qiegħdin jaħdmu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Id-dritt tal-moviment liberu jipermetti liċ-ċittadini Ewropej biex imorru jaħdmu f’pajjiż membru ieħor. Iżjed minn 2 miljun ċittadin Ewropew għażel li jmur jaħdem r-Renju Unit.
Iżda x’ser jiġri jekk il-vot jiddeċiedi li jtemm is-sħubija mal-Unjoni Ewropea?
Il-kampanja favur il-BREXIT assiguraw iżjed minn darba li d-dritt li ċittadini Ewropej jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit ma jiġiex affetwat jekk ir-Renju Unit jiddeċiedi li ma jibqax membru.
Huma saħħqu li hemm konvenzjonijiet internazzjonali li jipproteġu d-dritt ta’ dawn iċ-ċittadini.
L-istorja jaf tkun differenti għal dawk li jkunu jridu jaħdmu fir-Renju Unit, la darba jittieħed il-vot. Dan jiddependi ħafna mit-tip ta’ ftehim li jkun hemm bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea jekk il-vot ikun favur il-BREXIT.
Bosta ċittadini Ewropej mhumiex jissugraw, u qiegħdin japplikaw għaċ-ċittadinanza Brittanika qabel il-vot tal-ġimgħa d-dieħla. Huma qiegħdin jagħmlu dan bil-għan li jipproteġu lilhom nfushom milli jiġu deportati jekk jinbidlu r-regoli fil-futur.