Iċ-Ċittadella t’Għawdex rebħet il-premju tal-għażla pubblika magħruf bħala Public Choice Award tal-kompetizzjoni Regiostars.
Regiostars li din is-sena qed timmarka l-ħmistax -il edizzjoni, hija kompetizzjoni prestiġjuża organizzata mill-Unjoni Ewropea li titfa’ dawl fuq diversi proġetti ta’ stati membri li ġew kofinanzjati mill-istess Unjoni.
Il-proġett ta’ rijabilitazzjoni u restawr taċ-Ċittadella ntagħżel minn fost tliet mitt proġett Ewropew ieħor iżda din rebħet dan il-premju ta’ unur minn fost erbatax -il proġett ieħor.
Dan il-proġett twettaq b’investiment ta’ aktar minn erbatax – il miljun ewro li tnax -il miljun minn ġew mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Kien il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stess li ħabbar din ir-rebħa fuq is-sit soċjali Facebook li feraħ b’din l-aħbar u rringrazzja lill-persuni li taw il-kontribut tagħhom f’dan il-proġett.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonnett esprima sodisfazzjon għall-fatt li dan huwa l-ewwel proġett b’fondi Ewropej li rebaħ ir-Regiostars Award.