Nhar is-Sibt 25 ta’ Marzu, iċ-Ċittadella ta’ Għawdex se tingħaqad ma’ monumenti u ma’ landmarks oħra f’madwar 7,000 belt mad-dinja li se jitfu d-dawl għal siegħa bejn it-8.30pm u d-9.30pm, jew li se jieħdu inizjattivi oħrajn biex titqajjem kuxjenza dwar problemi ambjentali importanti.
Miljuni ta’ nies madwar id-dinja jingħaqdu f’din l-inizjattiva għal aktar għarfien dwar il-ħtieġa li nużaw enerġija nadifa biex innaqqsu l-emissjonijiet fl-arja li jħallu effett negattiv fuq il-klima u fuq l-atmosfera.
B’rabta ma’ din l-inizjattiva l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li ċ-Ċittadella mhix qed tipparteċipa biss f’din l-inizjattiva bħala ġest simboliku. Fuq bażi permanenti s-sistema tal-mixegħla tas-swar qed tintefa fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu biex b’hekk tikkontribwixxi b’mod reali għat-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja matul is-sena kollha. Permezz ta’ din l-inizjattiva kif ukoll ta’ inizjattivi simili sforz it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, iċ-Ċittadella se tiffranka madwar 50 tunellata ta’ gass carbon dioxide mill-atmosfera kull sena. Hu qal li din l-inizjattiva tilħaq waħda mill-miri tal-proġett ta’ restawr taċ-Ċittadella kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex jintużaw sorsi effiċjenti ta’ dawl għat-tnaqqis fl-ammont tal-carbon.
Din is-sena qed jiġi mfakkar l-għaxar anniversarju minn meta ġiet varata l-inizjattiva ta’ Earth Hour madwar id-dinja.