Lejl Imkebbes. Dan huwa l-isem t’ attivita ġdida li se tkun organizzata f’Għawdex, li se ssir nhar is-Sibt 16 ta’ Marzu madwar iċ-Ċittadella. Oriġinarjament, l-attività kellha ssir f’Novembru iżda ġiet posposta minħabba l-maltemp.
Jonathan Pace, li huwa l-organizzatur ta’ din l-attivita, qal li se tinħoloq atmosfera maġika mill-isbaħ fis-sit medjevali taċ-Ċittadella. Spjega li ċ-Ċittadella kollha se tkun mixgħula minn aktar minn 30,000 xemgħa, li minnhom se tkun qed tinħoloq arti li tirrappreżenta affarijiet kulutrali u l-istorja ta’ Malta.
Il-lejl se joffri wkoll bosta attivitajiet, bħal re-enactments, dħul b’xejn fil-mużewijiet li jinsabu fiċ-Ċittadella u spettaklu mużikali minn Dcapitals, The Busker, Klinsmann u Michela Pace.
Waqt it-tnedija tal-ewwel edizzjoni tal-attività ‘Lejl Imkebbes’, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li Għawdex sar sinonimu ma’ attivitajiet kulturali ta’ kwalita. Qalet li l-pjan imfassal mill-Ministeru tagħha qed jilħaq il-miri tiegħu.
Id-dħul għall-attività se jkun b’xejn, u kollox jibda fis-6:00pm.