Għat-tielet sena konsekuttiva ċ-ċittadella u ċ-ċentru tal-viżitaturi ngħataw l-unur prestiġjuż tat-‘Travellers’ Choice Award’ minn TripAdvisor.
Dan wara li ġew miflija eluf ta’ kummenti mgħoddija mill-viżitaturi nfushom li jkunu żaru l-attrazzjoni partikolari.
Unuri bħal dawn jinġħataw lill-aqwa 10% tal-postijiet li jirċievu kummenti pożittivi, kemm għad-dehra u l-prodott tagħhom, kif ukoll l-operat u s-servizz ta’ kwalità li joffru.
Waqt żjara li għamel fiċ-ċentru tal-viżitaturi taċ-Ċittadella, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri qal li ċ-Ċittadella jżuruha xejn anqas minn miljun persuna.
Il-Ministru Camileri stqarr: “Din iż-żona jżuruha xejn anqas minn miljun persuna fis-sena, dan kollu jpoġġi piż akbar fuq il-Ministeru, piż akbar fuq il-Gvern sabiex ikompli jżomm l-istandard, ikompli jżomm ir-restawr ta’ din iż-żona.”
Il-Ministru Camilleri spjega kif matul dawn l-aħħar xhur sar xogħol sabiex dan iċ-ċentru aktar aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ b’investiment ta’ sebgħin elf ewro.
Biex b’hekk kif innota d-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb, dan iċ-ċentru mhux biss joffri tagħrif dwar id-diversi aspetti taċ-Ċittadella, iżda fuq kollox kulħadd għandu aċċess għal din l-informazzjoni u l-filmati mal-ħitan oriġinali tal-ġibjun taċ-Ċittadella li jfiehmu aħjar l-iżvilupp ta’ din il-belt fortifikata f’nofs il-gżira tat-tliet għoljiet.