Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret iċ-Ċittadella Arts Festival li se jsir għall-ewwel darba bħala parti mill-attivitajiet kulturali li jsiru f’Għawdex matul l-istaġun tas-sajf. Din l-ewwel edizzjoni tal–festivaltikkumplimenta l–istaġun tal–festi u se toffri għażla ikbar lill-eluf ta’ viżitaturi Maltin u barranin li jżuru lill-gżira Għawdxija fix-xhur tas-sajf.
“Fl-imgħoddi ċ-Ċittadella kienet belt ħajja u allura llum li dan il-monument ġie restawrat u ngħata l-prestiġju oriġinali tiegħu, irridu ninjettaw fih attività vibranti li terġa’ tagħti l-ħajja lil dan il-ġojjel Għawdxi li diġà kisebrikonoxximent u valur fuq livell internazzjonali”, qalet il-Ministru Caruana. Hija żiedet tgħid li mezz ta’ kif dan jista’ jseħħ huwa permezz tal-arti fid-diversi forom tagħha, mhux l-inqas il-mużika li hija lingwa universali, kif ukoll l-arti viżiva li kapaċi toħloq moviment u esperjenzi uniċi fl-isfond tal-istess bini maestuż taċ-Ċittadella.
Il-Ministru Caruana kompliet li “f’dan il-kuntest allura nifhmu l-importanza ta’ dan il-festival bħala opportunitàunika għat-talent lokali li jkun vetrina għal dawk kollha li jiġu jżuruna. Fih innifsu jagħti l-opportunità lill-parteċipanti lokali għal pjattaforma internazzjonali u dan ikompli jissaħħaħ ukoll bil-preżenza ta’ artisti barranin.”
Il-programm sħiħ ta’ attivitajiet kulturali li se jfakkru l-ġrajja tal-1551, bi programm li jinkludi wirja ta’ xogħlijiet mill-artist Għawdxi l–Kav Pawlu Camilleri Cauchi fiċ-Ċentru Kulturali, kif ukoll il–Ballata tal–Assedju tal-1551, miktuba minn Ġianninu Cremona u interpretata mill–attur Mario Micallef. Il–kunċert tal–band Għawdxija D Capitals ikompli jagħti dimensjoni aktar internazzjonali lil dan il–festival. Il-Ministru Caruana kompliet tgħid li bis-sehem ta’ mużiċisti barranin qed inkomplu ngħollu l-livell tal-attivitajiet kulturali f’ Għawdex.
Il-Ministru ferħet lil dawk kollha li qed jaħdmu bis-sħiħ għal dan il-festival u awgurat kull suċċess lill-parteċipanti kollha.