Il-Ministeru għal Għawdex qed ifakkar il-mija u ħamsin sena mindu iċ-Ċittadella, minn fortizza fil-qalba tal-belt Għawdxija, biddlet il-funzjoni oriġinali tagħha għal waħda ċivili.
Sabiex jitfakkar dan l-avveniment, li seħħ f’April tal-1868, il-Ministru Justyne Caruana qalet li nhar is-Sibt sebgħa t’ April se tkun ġurnata mimlija attivitajiet edukattivi u kulturali.
Bil-qofol jintlaħaq waqt seminar li se jsir fiċ-Ċittadella Arts Centre, fejn numru ta’ esperti se jwasslu sessjonijiet ta’ tagħrif fuq il-fortifikazzjoni taċ-Ċittadella, l-iskoperti li saru waqt ir-restawr u l-istorja li sawret din il-binja.
Matul il-jum tas-Sibt, is-siti storiċi ewlenin li huma amministrati minn Heritage Malta se jkunu miftuħa għall-pubbliku b’xejn. Ewlenin fosthom hem il-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Mużew tal-Istorja Nazzjonali u l-Ħabs il-Qadim.
Ser ikun hemm anke re-enactments biex il-pubbliku jerġa jesperjenza l-ħajja li kienet tiddomina fil-Gran Castello u t-toroq tal-madwar.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana faħħret din l-inizjattiva, fejn qalet li din il-ġurnata ta’ attivitajiet hi intiża biex iċ-Ċittadella verament titgawda mill-poplu u tingħata lura lin-nies.
Semmiet kif għaddejja ħidma biex il-bibien taċ-Ċittadella jkunu miftuħa għal kulħadd, u qalet kif aktar attivitajiet se jiġu imħabbra aktar ’il quddiem, attivitajiet se jkunu varji u li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.