Iċ-ċinji li għadhom f’Marsalforn Għawdex baqgħu ikunu segwiti b’attenzjoni minn nies tal-Wild Birds Regulation Unit u l-Birdlife kif ukoll persuni oħra, fosthom kaċċaturi li fl-aħħar jiem kienu strumentali biex salvaw wieħed minnhom.
Ma’ dawn niżlu lejn il-wied ta’ Marsalforn mijiet ta’ persuni biex jarawhom tant li stqarrija tal-Birdlife qalet li ċ-ċinji, speċjalment dawk żgħar, jista’ jkun li qed isofru minn stress minħabba l-attenzjoni li qed jingħataw.
Iċ-ċinji jidhru ftit dgħajfa wkoll minħabba n-nuqqas ta’ ikel, tant li kien tul il-jum tal-ġimgħa li ngħata l-permess biex il-Birdlife Malta jgħalfu dawn iċ-ċinji xkora ġwież. Effett ta’ dan l-esperti qed ibassru li dawn iċ-ċinji se jdumu f’Malta għal ftit iktar jiem qabel ikomplu jpassu lejn id-destinazzjoni tagħhom.
Filwaqt li reġgħet saret twissija biex wieħed josserva dawn l-għasafar mill-bogħod, sar appell ċar biex dawn iċ-ċinji ma jingħatawx ħobż għaliex jagħmlilhom ħafna ħsara, fosthom billi jwassal biex ma jkunux jistgħu jixorbu ilma u jieħdu n-nifs.