Meta dalgħodu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet il-kumpilazzjoni b’rabta mal-akkużi ta’ ħasil ta’ flus minn l-aħwa Degiorgio u Adelina Pop, sar magħruf li George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż kellu kont mal-bank Bank of Valletta li fih kellu inqas minn għaxar ewro.
Dan il-kont infetaħ fl-2002. L-aħwa Degorgio huma akkużati wkoll bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u kien wara li ġew arrestati b’rabta ma’ dan il-qtil l-Pulizija ta’ kontra r-Reati Ekonomiċi investigathom ukoll wara li skont il-pulizija l-aħwa kienu qed jgħixu ħajja ta’ lussu u ma kienux jaħdmu.Fix-xhieda li tressqet illum mill-Ispettur Antonovic Muscat reġgħu ssemmew għadd ta’ karozzi lussużi li kien hemm involuti fihom l-aħwa Degiorgio u s-sieħba taċ-Ċiniż, Adelina Pop.
Xehed ukoll uffiċjal tal-Lombard Bank li sab li Adelina Pop kellha kont mal-bank inkwistjoni. Fih kien hemm €561.97 u marbuta mal-kont kien hemm karta ta’ kreditu tat-tip VISA li fiha tħallsu pagamenti żgħar. L-uffiċjal tal-bank qal ukoll li fil-kont saru numru ta’ depożiti minn flus kontanti.
Xehed ukoll uffiċjal tal-bank HSBC li spjega kif George Degiorgio kellu żewġ kontijiet fuq ismu u Alfred Degiorgio magħruf bħala l-Fulu kellu kont li ngħalaq.
Xehed ukoll uffiċjal tad-Dwana li mir-riċerka li għamel ma sab l-ebda dikjarazzjoni ta’ tranżitu ta’ flus ‘il fuq minn €10,000, u dan meta huwa magħruf li ma kinitx l-ewwel darba li l-aħwa Degiorgio kienu jidħlu u joħorġu bid-dgħajsa mill-portijiet.
Sadanittant uffiċjal minn Transport Malta xehed li l-aħwa Degiorgio kellhom dgħajsa kull wieħed reġistrata fuq isimhom.
Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ nhar it-Tlieta li ġej.