F’dan iż-żmien fejn kulħadd ifittex li jgħaddi iżjed ħin mal-familja, mawra saċ-ċinema hija l-għażla naturali għal ħafna.
Films li bla dubju jkunu mistennija minn ħafna f’dawn iż-żminijiet huma dawk li għandhom temi natalizji.
Il-kritiku tal-films Mario Azzopardi saħaq li dan il-Milied jidher li kien il-film animat ‘The Grinch’ li wara s-suċċess li kien għamel il-film preċedenti ta’ Jim Carey, ukoll intlaqa’ tajjeb min nies.
“Hawn Malta ‘The Grinch’ issa sar popolari minħabba illi fis-sena 2000 kien ħareġ il-film ‘How the Grinch stole Christmas’ ta’ Jim Carey u allura dal-film din l-istorja u anke l-ktieb ta’ Dr.Seus sar popolari. Il-film animat ukoll mar tajjeb.”
Minn naħa l-oħra l-film ‘Nativity Rocks ukoll għandu rabtiet natalizzji madankollu jidher li ma marx tajjeb fiċ-ċinema.
Mario Azzopardi saħaq li dan il-Milied ma kinux il-films tal-Milied l-iktar mistennija iżda kienu –l-films Aquaman u Mary Poppins Returns. Il-film Aquaman jidher li se jiġbed ammonti kbar ta’ nies hekk kif bħalissa jidher li hawn domanda kbira għall-films dwar is-supereroj.
“Diġa daħħal ħafna ħafna flus, speċjalment fiċ-Ċina għaliex fiċ-Ċina diġa ħareġ ħafna qabel. Filfatt daħħal aktar minn mitejn miljun miċ-Ċina biss. Il-preview night ta’ Bumble.. ta’Aquaman ġewwa l-Istati Uniti mar tajjeb immens.”
Dan filwaqt li ‘Mary poppins Returns’ jidher li ħa jiġbed bosta familji li jmorru jarawh bit-tfal magħhom. Azzopardi qed jipprevedi li se jiddominaw il-paraguni bejn Julie Andrews u Emily Blunt li issa se tidħol fiż-żarbun tal-predeċessur tagħha fil-karattru ta’ Mary Poppins.
Mario Azzopardi stqarr li għal żmien il-Milied fuq it-television ta’ dawk kollha li jħobbu l-films żgur jerġgħu jitfaċċaw bosta films dwar il-Milied li jibqgħu popolari bħal Die Hard, It’s a Wonderful Life u How the Grinch Stole Christmas.
Madankollu wieħed ma jistax ma jsemmix il-films ‘Home Alone’ li dejjem inisslu sens ta’ nostalġija u tarahom kemm tarahom dejjem jirnexxielhom ilissnu tbissima.
“Hemmhekk kellek lil Maculey Caulken li kien għadu tifel innoċenti għax imbgħad meta kiber ma tantx baqa’ innoċenti wisq il-għaliex naħseb irrovina l-karriera tiegħu. Imma hemmhekk kien għadu innoċenti. Huwa film interessanti, huwa flm avventura, iħallik bla nifs. .. Huwa film li tieħu gost tarah u terġa’ tarah.” (19 secs)
Għalhekk l-awgurju huwa li għal dan il-Milied tiltaqgħu ma’ bosta karattri, kemm ġodda kif ukoll oħrajn li qishom ta’ kull Milied b’sens ta’ nostalġija, jerġgħu jitfaċċaw sabiex idaħlu atmosfera festiva fid-djar tagħna.