Illum iċ-Ċina ħabbret li kienet se tkun qed timplimenta tariffi fuq numru ta’ prodotti mill-Istati Uniti kif ukoll tiftaħ investigazzjoni fuq il-kumpanija Amerikana Google hekk kif fl-istess ġurnata qed jidħlu fis-seħħ it-tariffi li l-President Amerikan Donald Trump ħabbar b’żieda ta’ 10% fuq dawk diġà effettivi fuq prodotti Ċiniżi.
Il-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż iddikjara li se jimponu tariffa ta’ 15% fuq prodotti tal-faħam u LNG kif ukoll 10% fuq iż-żejt mhux raffinat, makkinarju tal-agrikoltura u karozzi b’magni kbar.
Fi stqarrija tal-istess Ministeru jgħid li t-tariffi unaliterali imposti mill-Istati Uniti imorru kontra r-regoli tal-Għaqda Dinjija tal-Kummerċ, fejn filwaqt li dawn mhux se jsolvu l-problemi tal-Istati Uniti, jikkawżaw danni lill-ekonomija normali u koperazzjoni kummerċjali bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti.
Fi stqarrija separata, l-amministrazzjoni tal-istat li tirregola is-suq, qalet li kienet qed tinvestiga lil Google b’suspett ta’ vjolazzjoni tal-liġijiet antitrust.