Il-qatgħa ċikonji li fl-aħħar jiem waslu f’Malta, it-Tlieta filgħodu ngħaqdu ma’ eluf ta’ Maltin u turisti li bħalissa jinsabu Għawdex għal ftit jiem ta’ mistrieħ.
Ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali juri ċ-ċikonji jistrieħu fuq wieħed mill-krejnijiet li qed jintuża għall-bini tal-Iskola Medika ta’ Barts fuq is-sit tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Fl-aħħar jiem iċ-ċikonji kienu għal bosta drabi fl-aħbarijiet wara li tlieta minnhom, allegatament inqatlu minn raġel minn Ħad-Dingli.
Hu mifhum li l-waqfa taċ-ċikonji f’Għawdex hija l-aħħar waqfa tagħhom fi gżiritna qabel ikomplu bil-vjaġġ tagħhom.