Il-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa approva b’mod unanimu l-protokoll dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF – li kienu diġà approvati mill-Parlament kemm fil-plenarja u kif ukoll fil-kumitat tal-abbozz ta’ liġijiet bil-għan li aktar koppji jsiru ġenituri.
Permezz ta’ dan il-protokoll, l-Awtorità se tkun tista’ tawtorizza l-fertilizzazzjoni ta’ aktar minn żewġ bajdiet sa massimu ta’ ħamsa.Hemm numru ta’ kriterji li jwasslu biex mara tingħata permess li tiffertilizza aktar minn żewġ bajdiet, fosthom fatturi ta’ infertilità bħall-kundizzjoni tal-polycsytic ovaries fin-nisa jew azoospermia fl-irġiel. Dan flimkien ma’ fatturi bħall-età tal-mara, każijiet ta’ onkoloġija, u storja ta’ ċikli oħra tal-IVF.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega l-bidliet li se jesperjenzaw il-professjonisti mix-xahar id-dieħel; meta jsir iċ-ċiklu li jmiss tal-IVF.
“It-tobba tagħna se jkunu jistgħu jibdew idaħħlu s-sistemi ġodda tal-IVF jiġifieri ħa jiftħu l-IVF għal aktar persuni biex f’kull każ li jkun diskuss individwalment, ikun hemm aktar minn żewġ bajdiet li jiġu fertilizzati, u jekk ikun hemm il-bżonn ħa jkun hemm ukoll il-faċilita ta’ embryo freezing kif ukoll ta’ gamete donation.”
Grazzi għall-miraklu tax-xjenza, minn kemm ilu li daħal is-servizz tal-IVF f’Mater Dei, twieldu aktar minn 130 tarbija.
Trabi li mlew il-ħajja ta’ dawk li kienu jbatu fis-skiet; u bl-emendi l-ġodda jawguraw tajjeb biex iżjed koppji jkollhom ċikli li jkunu ta’ suċċess.