Iċ-ċiklisti, li ħadu sehem fil-maratona tal-LifeCycle ta’ din is-sena fuq 2,000 kilometru bejn il-Botswana u Cape of Good Hope fl-Afrika, irritornaw Malta fi tmiem il-ġimgħa fejn sabu diversi qraba u ħbieb jilqgħuhom fl-Ajruport.
Il-LifeCycle Challenge bdiet fit-28 ta’ Ottubru f’Gaborone u kienet tikkonsisti f’għaxart ijiem intensi ta’ ċikliżmu f’kundizzjonijiet tat-temp diffiċli wkoll, fiż-żewġ estremi.
Alan Curry, fundatur u Chairman tal-LifeCycle Malta, qal li l-kuraġġ u r-reżiljenza murija mit-tim komplew ikunu sors ta’ ispirazzjoni fl-isforzi biex jinġabru fondi għat-trattament u r-riċerka tal-mard tal-kliewi.
Fil-fatt il-fondi miġbura se jmorru fir-riċerka dwar il-mard tal-kliewi u l-għoti ta’ assistenza tant meħtieġa lill-pazjenti milqutin.
Biex wieħed jikkontribwixxi jew għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur is-sit lifecyclefoundation.com jew il-paġna tal-NGO fuq Facebook.