Ir-rotta iebsa ta’ 215 kilometru ħadet liċ-ċiklisti ta’ Nescafé 3in1 LifeCycle Challenge minn Dong Hoi fil-Vjetnam sa Xenon f’Laos. L-isfida issa tinsab fil-ħames jum tagħha u ċ-ċiklisti qegħdin ikunu fuq ir-rota bejn 10 u 12-il siegħa kuljum.
Fl-aħħar jumejn, it-temp baqa’ sħun ħafna b’umdità għolja. Id-distanza ta’ kull ġurnata issa qed tħalli l-effett tagħha fuq iċ-ċiklisti. Għalkemm ix-xenarju hu sabiħ immens, l-eżawriment bis-sħana, id-deidrazzjoni u l-nżul u tlajja ma għenux il-moral tagħhom. Issa l-għejja qed tibda taħkimhom.
S’issa kien hemm sitt ċiklisti li waqqfu. Il-LifeCyclists qed jistinkaw ħafna biex jirnexxielhom jispiċċaw ir-rotta kuljum. Fl-istess waqt, qed jappoġġjaw lil xulxin u jerfgħu l-moral ta’ xulxin, għax jafu tajjeb li din l-isfida qed issir biex tgħin lill-pazjenti li jbatu bil-kliewi li jissieltu kuljum biss biex jibqgħu jirreżistu fiżikament u mentalment.
Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) hi l-unika NGO f’Malta li qed tappoġġja b’mod attiv lill-pazjenti tal-kliewi u lill-familji tagħhom. Il-Fondazzjoni qed tgħin ukoll fi studju speċjalizzat ta’ riċerka fil-mard tal-kliewi fl-Università ta’ Malta filwaqt li tiġġenera iktar għarfien dwar it-trapjanti ta’ organi f’Malta.
Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz ta’ Revolut fuq in-numru 99329101; jew ta’ sms: 5061 7370 = €2.33; 5061 8920 = €6.99; 5061 9229 = €11.65; jew permezz ta’ telefonata fuq 5160 2020 = €10, 5170 2005 = €15; u 5180 2006 = €25. Dettalji tal-bank huma kodiċi Swift VALLMTMT, numru IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017, isem tal-bank Bank of Valletta, numru tal-kont 14814521017.
Għal aktar tagħrif u biex tgħin lil LifeCycle Challenge 2019 żur: www.lifecyclefoundation.com jew Fb: https://www.facebook.com/LifeCycleChallenge/