Grupp ta’ 20 ċiklist u seba’ membri ta’ appoġġ mill-Foster Clark LifeCycle Challenge 2018 ħallew Malta fuq titjira tal-Emirates għal Dubaj. Żewġ ċiklisti oħra se jingħaqdu magħhom mill-Kenja filwaqt li se jkollhom ukoll erba’ sewwieqa mir-reġjun tal-Golf biex jakkumpanjaw lill-grupp tul rotta ta’ 2,000 kilometru. Din is-sena se tkun minn Abu Dhabi għal Salalah fl-Oman. Alan Curry u Shirley Cefai, il-Fundatur u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni LifeCycle rispettivament, qalu li din is-sena se tkun waħda mill-aktar iebsin f’dawn l-aħħar 20 sena. Il-LifeCycle hi meqjusa fost l-għaxar sfidi mill-iktar iebsa taċ-ċikliżmu fid-dinja.
Għal dawn l-aħħar 19-il sena, LifeCycle Challenge ġabret fondi biex tgħin fil-bżonnijiet u l-kura ta’ pazjenti b’mard tal-kliewi. Barra minn tagħmir li jsalva l-ħajja u faċilitajiet imtejba, min-naħa tagħha LifeCycle qed tisponsorja t-Twilight Shift Van li jġorr pazjenti minn u lejn l-Isptar Mater Dei għad-dijalisi tagħhom ta’ filgħaxija, kif ukoll tisponsorja l-programm ta’ tqabbil tas-softwer imsejjaħ “Traccia”. Dan jiddetermina min ikun l-aħjar benefiċjarju għal kull kilwa li tkun offruta.
Il-Fondazzjoni LifeCycle toffri ukoll sponsorjar parzjali tal-vjaġġ annwali għal Lourdes għal pazjenti tal-kliewi u persunal mediku li jassistihom.
Il-Fondazzjoni LifeCycle ta’ Malta hi l-unika NGO li qed tappoġġja b’mod attiv lill-pazjenti tal-kliewi u lill-familji tagħhom. Il-Fondazzjoni permezz ta’ LifeCycle Challenge qed tgħin f’riċerka fl-Università ta’ Malta, filwaqt li qed tiġġenera iktar għarfien dwar id-donazzjonijiet u t-trapjanti tal-organi.