Jekk int wieħed minn dawk li biċċa ċikkulata tajba ma tibdilha ma xejn ma tistax titlef il-festival taċ-ċikkulata li għad-disa’ sena konsekuttiva se jittellgħa fil-Ħamrun nhar is-Sibt. Festival li ta’ kull sena qed isir iktar popolari tant li qed jibni wkoll konkorrenzi u interess lil’hinn minn xtutna.
Mario Camilleri li qed jieħu ħsieb il-loġistika tal-Festival saħaq li n-nies li jattendu mhux biss se jkunu jistgħu jixtru xi biċċa ċikkulata tajba mingħand wieħed mit-tnejn u, iżda se jkollhom l-opportunità li jaraw opri ta’ arti magħmulin miċ-ċikkulata tal-artist Andrew Farrugia. Dan filwaqt li min hu iktar avventuruż se jkun jista’ jduq ikel tradizzjonali Malti iżda b’xi tibdil għall-okkażjoni.
Camilleri spjega li “Se jkun hemm diversi artisti li jaħdmu biċ-ċikkulata, kemm hija tpenġija fuq it-tila, body tatoo, skultur biċ-ċikkulata. Għandna biss biss pittura kbira kważi seba’ metri, pittura moderna kollha biċ-ċikkulata u għandna l-attrazzjoni speċjali għandek tnax-il arloġġ differenti, li jibdew mill-cuckoo clocks, grandfather clocks u anke arloġġi moderni, hemm tnax –il wieħed. Apparti minn hekk ukoll għandna ikel malti bħall-majjal fejn ikollu wkoll sauces magħmulin miċ-ċikkulata wkoll.
Is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut saħaq li dan il-Festival mhux importanti biss minħabba l-importanza kbira li tingħata liċ-ċikkulata li tant iħobbu bosta Maltin, iżda wkoll minħabba li dan il-Festival iservi ta’vetrina tal-kultura u t-talent Hamruniz.
Sammut qal li “Wara l-ħsieb taċ-ċikkulata hemm il-ħsieb li noħorġu t-tajjeb li hemm ġol- Ħamrun. Hija attivitá li nagħtu diversi opportunitajiet lit-talent tagħna, kemm l-għaqdiet kemm nies individwi sabiex juru dak li jafu u jkunu jistgħu wkoll joħorġuh waqt dan il-festival.”
Is-Segretarju Parlamentari Deo qal li hija xi ħaġa sabiħa li l-pubbliku se jkun jista’ jduq ukoll iċ-ċikkulata uffiċjali ta’ Valletta 2018 bl-isem ta’ ‘Unica 1658’.
Ir-riċetta ta’ din iċ-ċikkulata hija waħda oriġinali mfassla minn ċertu Gianfrancesco Buonamico fis-sena li għaliha hija msemmija. Is-segretarju parlament Silvio Parnis qal li huma b’dawn it-tip t’attivitajiet li l-kunsilli lokali juru li fil-ħidma tagħhom qed iżommu qrib tan-nies tal-lokalità filwaqt li jiftħu l-lokalitajiet tagħhom għall-kumplament tal-pajjiż.