In-numru ta’ mwiet f’Malta li ma kellhomx x’jaqsmu mal-Covid-19 bejn Marzu u Diċembru tas-sena tal-pandemija, jiġifieri l-elfejn u għoxrin, kien iktar mid-doppju tal-imwiet ikkawżati mill-Coronavirus.
Dan joħroġ f’rapport tal-Osservatorju Ewropew tas-Sistemi tas-Saħħa, li juru kif f’dan il-perjodu, filwaqt li mitejn u sbatax-il persuna tilfu ħajjithom minħabba l-Covid f’Malta, ġew irreġistrati madwar ħames mitt mewt iktar mill-imwiet li kienu jiġu rreġistrati qabel il-pandemija.
Minkejja dan, iċ-ċifri għal Malta xorta huma fost l-inqas fl-Ewropa.
Waqt il-programm Paperscan il-Ħadd filgħodu, il-Professur Neville Calleja li jmexxi d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka, spjega li fl-istudju tal-istatistika dwar is-saħħa, tinġabar informazzjoni dwar l-imwiet li tagħti indikazzjoni jekk hemmx problema ġdida li taffettwa s-saħħa tal-popolazzjoni, bħalma tista’ tkun pandemija.
Il-Professur Calleja spjega, “Excess mortality tfisser li wieħed iħares lejn l-imwiet li qed jara f’ġimgħa partikolari meta mqabbel mal-medja tal-istess ġimgħa fis-snin ta’ qabel u b’hekk inkunu nistgħu naraw jekk l-imwiet f’dik il-ġimgħa humiex differenti minn dawk li aħna nistennew li jkollna s-soltu.”
Il-Professur spjega li ċ-ċertifikat tal-mewt ukoll juri li persuna tkun mietet bil-Covid, imma jaf ikun hemm imwiet oħra li jikkontribwixxu għal żieda fl-excess deaths li jkunu ikbar min-numru ta’ mwiet li jkunu ġew iċċertifikati li mietu bil-Covid.
Huwa tenna, “Jaf ikun hemm sitwazzjonijiet fejn persuna anzjana, tbati minn ħafna kundizzjonijiet, mietet bil-Covid imma saħansitra t-tabib tagħha ma ndunax li kellha l-Covid għax ma tkunx ħasset li kellha bżonn tittestja.”
Il-Professur kompla jispjega li fejn tidħol il-Covid, l-evidenza sa issa turi li l-imwiet jiżdiedu bejn ġimagħtejn u erba’ ġimgħat wara li jiżdiedu l-każijiet.
Fil-fatt, iż-żieda qawwija fl-infezzjonijiet f’Malta kienet irreġistrata lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Issa, madwar tliet ġimgħat wara, qed jiġu rreġistrati numru ta’ mwiet.
Minkejja li kull mewt hija traġedja, il-Professur saħaq li ċ-ċifri ta’ pajjiżna huma fost l-iktar baxxi fl-Ewropa.
Calleja stqarr, “Malta, għall-grazzja t’Alla, ma rajniex dawk l-ispikes koroh li raw ħafna pajjiżi Ewropej jiġifieri anki fejn tidħol ir-rata ta’ pożittività, qatt m’għoliet ħamsin fil-mija bħalma rajna fl-Irlanda dawn l-aħħar ġimgħat, jew erbgħin fil-mija bħalma ġieli rajna fil-Polonja, fil-Kroazja, fl-Iżvezja.”
Il-Professur spjega wkoll kif f’pajjiżi inqas żviluppati li għandhom riżorsi ta’ ttestjar limitati, ir-rata ta’ excess deaths hija ħafna iktar min-numru ta’ mwiet li fil-fatt irreġistraw bil-Covid.
Anki fl-Ewropa, ħafna mill-pajjiżi wrew distakk kbir fir-rata ta’ excess mortality bejn l-imwiet irresġitrati bil-Covid u dawk minħabba raġunijiet oħrajn.