Is-sena li għaddiet immarkat suċċess ieħor fit-trasformazzjoni ta’ Malta għal pajjiż li, bl-attivitajiet tiegħu, ma jżidx il-karbonju fl-atmosfera.
Għall-ewwel darba fl-istorja, fl-2022 aktar minn nofs iż-żieda annwali li kien hemm fl-istokk tal-vetturi f’pajjiżna kienet tikkonsisti minn vetturi li ma jużawx biss petrol u diżil biex joperaw.
Fil-fatt, miż-żieda totali tal-għadd ta’ vetturi f’pajjiżna li kien hemm fl-2022, kienu biss 42 fil-mija li kienu vetturi li jużaw biss petrol jew diżil. Miż-żieda totali ta’ 11,885 vettura kien hemm żieda ta’ 5,155 karozza li jaħdmu bil-petrol biss u tnaqqis ta’ 175 vettura li jaħdmu bid-diżil biss.
Mill-banda l-oħra, kien hemm żieda ta’ 3,679 vettura li jaħdmu bl-elettriku biss – l-ogħla żieda fl-istorja- kif ukoll żieda ta’ 3,114 vettura ibrida, li jiġġeneraw l-enerġija tagħhom permezz ta’ magna b’kombustjoni interna kif ukoll b’mutur jew muturi tal-elettriku li jużaw enerġija maħżuna f’batteriji. Anke dan huwa rekord ġdid għal din il-kategorija. Fejn jidħlu l-vetturi li jaħdmu bil-gass likwifikat miż-żejt (LPG), iż-żieda kienet ta’ 112-il vettura.
Ta’ min jinnota li, sa ħames snin ilu, jiġifieri l-2018, il-proporzjon taż-żieda annwali fil-vetturi li kienu jaħdmu bil-petrol u bid-diżil kienet għadha ta’ 90 fil-mija. Is-suq kien għadu ddominat tista’ tgħid għal kollox minn vetturi li jaħdmu bi fjuwils li jħammġu.
Dan kollu jixhed is-suċċess tal-politika tal-Gvern favur ix-xiri ta’ vetturi li jużaw enerġija aktar nadifa. Fuq medda ta’ ħames snin il-proporzjon taż-żieda fil-vetturi li hija dovuta għal vetturi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil tnaqqset b’aktar min-nofs, minn 90 fil-mija għal 42 fil-mija. Barra minn hekk, fl-aħħar sentejn il-vetturi li jaħdmu bid-diżil bdew jonqsu u mhux jiżdiedu. Dan filwaqt li, fl-2022, iż-żieda fil-karozzi jaħdmu bil-petrol jew bid-diżil kienet ta’ inqas minn 5,000, b’kuntrast maż-żieda ta’ kważi 12,000 fl-2018.
Fis-snin li ġejjin dawn it-tendenzi mistennija jżidu fir-ritmu bil-qawwi hekk kif il-Gvern se jkun qed ibiddel il-flotta ta’ vetturi tas-settur pubbliku, filwaqt li se jkun hemm skemi apposta minn fondi Ewropej biex anke fis-settur privat issir il-qalba għal vetturi alternattivi.
Ritratt: geotab.com