Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar fil-Parlament li ċ-childcare centre tal-Isptar Mater Dei, li kien ingħalaq, fuq deċizjoni tal-amministrazzjoni tal-istess sptar, se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin.
Waqt diskors dwar l-emendi tal-Att dwar il-Professjonijiet Mediċi, Fearne sostna li s-settur tas-saħħa pubblika għandu jitqies bħala impjegatur li jservi ta’ eżempju, li jżomm u jħajjar iżjed professjonisti jingħaqdu miegħu.
Għalhekk, stqarr li meta ġie mgħarraf bid-deċiżjoni li ċ-ċentru ngħalaq, ma qabilx ma’ din id-direzzjoni tal-amministrazzjoni tal-Isptar u, wara diskussjonijiet mal-Ministru għall-Edukazzjoni, intlaħaq qbil li dan iċ-ċentru jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin wara li jsiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru żied jgħid li minkejja li fehem ir-raġunament wara d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni, dik li minn madwar ħamest elef impjegat kienu biss madwar għoxrin impjegat li kienu qed jagħmlu użu minn dan is-servizz, jemmen li dan is-servizz hu bżonnjuz għal ambjent tax-xogħol li jiffavorixxi lill-familja.
Huwa ħa l-opportunità sabiex jirringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li jagħmlu xogħgol imprezzabbli b’ tant dedikazzjoni.