Il-prezzijiet tal-ishtma ta’ kumpaniji tat-teknoloġija Amerikani, waqgħu drastikament wara l-introduzzjoni ta’ chatbot irħisa mibnija minn kumpanija Ċiniża tal-intelliġenza artifiċjali.
L-app DeepSeek, li kienet imnehdija l-ġimgħa l-oħra, qabżet kumpaniji rivali, inkluż ChatGPT, sabiex saret l-aktar app b’xejn li tniżżlet fl-Istati Uniti.
Kumpaniji ġganti fit-teknoloġija, inkluż Nvidia, Microsoft u Meta, dalgħodu kollha raw il-prezzijiet tal-ishtma tagħhom jaqgħu.
Huwa rrappurtat li din iċ-chatbot Ċiniża kienet żviluppata bi frazzjoni biss tal-prezz tar-rivali tagħha, biex qajjmet mistoqsijiet serji dwar il-futur tad-dominju Amerikan fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali u l-iskala tal-investimenti li qed ikunu ppjanati minn kumpaniji Amerikani.
Il-ġimgħa l-oħra, OpenAI ingħaqdet ma’ grupp ta’ kumpaniji oħra b’wegħda ta’ ħames mitt miljun dollaru investiment sabiex tinbena infrastruttura tal-intelliġenza artifiċjali fl-Istati Uniti.
Il-President Donald Trump, f’waħda mill-ewwel dikjarazzjonijiet tiegħu minn meta ħa l-ġurament tal-ħatra, kien sejjaħlu “l-akbar proġett tal-infrastruttura tal-intelliġenza artifiċjali li qatt sar fl-istorja”, u li se jkun qed jgħin iżomm il-futur tat-teknoloġija fl-Istati Uniti.
Riċerkaturi ta’ DeepSeek qed jgħidu li żvillupaw din it-teknoloġija b’madwar sitt miljun dollaru, sinifikattivament ħafna anqas mill-biljuni minfuqa mir-rivali tagħhom, għalkemm din id-dikjarazzjoni qed tkun ikkontestata minn oħrajn fl-intelliġenza artifiċjali.
It-tnehdija ta’ DeepSeek waslet f’mument meta l-Istati Uniti qed tillimita l-bejgħ lejn iċ-Ċina t-teknoloġija avvanzata li tuża l-intelliġenza artifiċjali.