L-Erbgħa, il-UEFA ddeċiedet li l-akbar kompetizzjoni tal-futbol Ewropea se tkompli mill-Ġimgħa 7 t’Awwissu, filwaqt li l-finali se ssir il-Ħadd 23 t’Awwissu.
Fis-7 t’Awwissu se jintlagħbu l-kumplament tal-logħob mill-aħħar sittax, fil-grawnd fejn kellhom jintlagħbu f’Marzu li għadda.
Imbagħad mit-12 t’Awwissu, il-logħbiet se jintlagħbu kollha fil-kapitali Portuġiza Lisbona. Hawnhekk se jintlagħbu l-logħbiet mill-Kwarti tal-Finali u s-Semi Finali. B’differenza mis-soltu dawn il-logħbiet se tintlagħab logħba waħda minflok tnejn, bħal ma jsir fit-Tazza tad-Dinja u l-EURO.
Imbagħad ġewwa Lisbona stess, il-Ħadd 23 t’Awwissu se tintlagħab il-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Ta’ min jgħid ukoll li f’Lisbona hemm żewġ grawnds tal-aqwa kwalità, dawk ta’ Benfica u Sporting Lisbon.
Dan tħabbar mill-President tal-UEFA Alexander Ceferin li qal li jinsab sodisfatt li kważi l-kompetizzjonijiet kollha tal-futbol se jitkomplew xorta waħda.