Tħabbru d-dettalji dwar il-kamp ta’ taħriġ li se ikun qed jagħmel it-tim tal-waterpolo Pro Recco Genova f’pajjiżna.
It-tim se jkun Malta bejn il-wieħed u għoxrin u sitta u għoxrin ta’ Settembru, fejn apparti taħriġ, se jiltaqa’ wkoll ma’ diversi żgħażagħ li jattendu nurseries nazzjonali.
It-Tim ta’ Pro Recco Genova huwa wieħed mill-aqwa tal-waterpolo, fejn rebħu diversi titli fl-Italja u fl-Ewropa, fejn bħalissa huma ċ-champions tal-waterpolo. Ma dan it-tim jilgħabu diversi players li rebħu diversi unuri personali fosthom il-player mill-Montenegro Aleksander Ivovic.
Il-kowċ ta’ tim Nazzjonali tal-waterpolo, Karl Izzo spjega li din iż-żjara hija l-ħolma ta’ diversi partitarji tal-waterpolo.
Huwa qal, “Din hija l-ħolma ta’ kulħadd li jara tim ta’ Pro Recco jiġi Malta, jiġifieri, tfal min-nurseries ikunu ispirati minnha għax ovvjament jaraw l-idoli tagħhom.”
Joe Caruana Curan, President tal-Aquatic Sports Association Malta, spjega li din hija żjara importanti ħafna għaliex se ikunu qed jiġu wieħed mill-iktat timijiet b’ saħithom tal-waterpolo.
Huwa stqarr: “Irridu nkunu kburin li ninsabu fostkom u rridu napprezzaw ħafna l-ħidma tal-Ministru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li għamlu din iż-żjara possibbli biex jitħarrġu hawn Malta.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li turiżmu sportiv ma jfissirx biss is-sabiħ tal-isports innifsu imma huwa sinonimu ma’ turiżmu sostenibbli, parteċipattiv u jegħleb l-istaġjonalità tas-settur.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Permezz ta’ dan il-kamp ta’ taħriġ ta’ Pro Recco Genova, qed inkomplu nikkonfermaw li pajjiżna kapaċi jkun id-dar naturali għal dawn it-timijiet li rridu nagħmlu training camps matul dawn ix-xhur. Dan huwa investiment li jkompli jenfasizza l-importanza ta’ turiżmu sportiv fejn hemm garanzija għal futur ta’ turiżmu sostenibbli li kapaċi jkollhom f’pajjiżna fi żmien li ġej.”