Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew u l-Kummerċ u ċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg wasal f’Dushanbe, il-belt kapitali tat-Taġikistan, l-Erbgħa filgħodu, għal jum ta’ laqgħat ma’ uffiċjali għolja tal-gvern, mas-soċjetà ċivili u mat-tim tal-OSCE li qed iwettaq l-akbar operazzjoni li għandha din l-organizzazzjoni fl-Asja Ċentrali.
Din il-ġimgħa, il-Ministru Borg qiegħed fl-Asja Ċentrali sabiex iżur tliet pajjiżi membri tal-OSCE f’dan ir-reġjun. Wara waqfa fil-Każakistan it-Tlieta, il-vjaġġ ser jintemm fil-Kirgistan il-Ħamis filgħaxija.
Iż-żjara taċ-Chairperson tal-OSCE fit-Taġikistan saret fl-istess xahar li fih din l-organizzazzjoni qed tfakkar it-30 anniversarju minn meta bdiet il-missjoni tagħha f’dan il-pajjiż, lura f’Ġunju 1994.
F’Dushanbe, il-Ministru Borg kellu laqgħat mal-President Emomali Rahmon u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Sirojiddin Muhriddin. F’dawn il-laqgħat saħaq dwar l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali sabiex jingħelbu sfidi komuni, fejn semma fost oħrajn proġetti mmirati biex jistabbilizzaw il-fruntieri tan-nofsinhar tat-Taġikistan mal-Afganistan, kif ukoll inizjattivi oħra biex itaffu l-impatti tat-tibdil fil-klima.
Filwaqt li fakkar it-tema ewlenija tal-Presidenza Maltija tal-OSCE “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, il-Ministru Borg sostna l-impenn ta’ Malta li ssaħħaħ il-funzjonalità ta’ din l-organizzazzjoni.
“Fiċ-ċirkostanzi tal-llum, b’diversi kriżijiet differenti, qed isir aktar importanti l-bżonn ta’ organizzazzjonijiet bħall-OSCE, li jipprovdu pjattaforma ta’ diskussjoni u azzjoni fuq temi t’interess komuni. Il-proġetti tagħna fit-Taġikistan qed jgħinu lil dan il-pajjiż fl-impenn tiegħu li jsaħħaħ is-sigurtà u l-istabbiltà, b’diversi proġetti u inizjattivi, fosthom dawk kontra l-estremiżmu vjolenti u t-traffikar tal-persuni, u oħrajn li jippromwovu d-drittijiet umani,” kompla jispjega.
Iċ-Chairperson tal-OSCE faħħar l-isforzi tal-President Rahmon għall-ħidma għall-ugwaljanza bejn is-sessi u s-sehem tal-mara fil-politika. L-Uffiċċju tal-OSCE f’Dushanbe huwa involut b’mod attiv f’din il-ħidma wkoll, permezz ta’ korsijiet vokazzjonali li qed jgħinu lil ħafna nisa jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-impjieg.
Il-Ministru Borg kellu wkoll taħditiet mal-Kurunell Ġenerali Rajabali Rahmonali, il-Kmandant tat-Truppi tal-Fruntieri tat-Taġikistan, u żar ukoll il-Kulleġġ tal-Uffiċjali tal-Immaniġġjar tal-Frunitieri tal-OSCE. Hawnhekk saħaq dwar l-effetti pożittivi ta’ inizjattivi reġjonali għas-sigurtà, fosthom dawk li qed jirċievu l-appoġġ tal-OSCE u l-UE, sabiex jingħelbu l-isfidi ta’ dan ir-reġjun. Dawn il-programmi ta’ taħriġ dwar l-immaniġġjar u s-sigurtà tal-fruntieri għenu madwar 2,000 uffiċjal involuti f’operazzjonijiet tal-fruntieri f’dawn l-aħħar erba’ snin. Aktar minn 10 miljun metru kwadru ta’ artijiet li kienu imminati tnaddfu bl-għajnuna tat-taħriġ u l-appoġġ provdut mill-OSCE sa mill-2004.
Malta bdiet 12-il xahar ta’ Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) f’Jannar, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà”, wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f’Novembru tal-2023.