Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u ċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg żar il-Moldova, fejn iltaqa’ ma’ uffiċjali ewlenin, inklużi l-President Maia Sandu u l-Mexxej fi Transdniestria Vadim Krasnoselsky sabiex jiddiskuti r-rwol ċentrali tal-OSCE fit-Transdniestrian Settlement Process.
Il-Ministru Borg kellu wkoll taħditiet mal-Prim Ministru tal-Moldova Dorin Recean, mad-Deputat Prim Ministru għar-Riintegrazzjoni Oleg Serebrian u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Mihai Popșoi.
Il-laqgħat fil-Moldova ffurmaw parti minn programm intensiv ta’ tlett ijiem għall-Presidenza Maltija tal-OSCE, wara żjarat li saru fis-Serbja u l-Kosovo b’aktar minn 30 impenn ma’ awtoritajiet, imsieħba tal-OSCE, mexxejja lokali kif ukoll mas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet reliġjużi.
Din is-sena, l-OSCE qed timmarka tliet diċennji ta’ appoġġ lill-Moldova.
Hawnhekk il-Ministru Borg qal li l-Presidenza ta’ Malta tal-OSCE tappoġġja bil-qawwa soluzzjoni paċifika u komprensiva għall-kunflitt tat-Transdniestria u se tkompli tappoġġa lil Chisinau u Tiraspol għal soluzzjonijiet prattiċi għall-komunitajiet kollha.
“Mar-Repubblika tal-Moldova għandna ħafna komuni, fuq kollox, il-mixja li narawhom madwar il-mejda fi Brussell u li jingħaqdu magħna fl-Unjoni Ewropea. Kienet tema li ma tliftx l-okkażjoni li niddiskuti magħhom u waqt li huma entużjasti ħafna għad-deċiżjoni li l-mexxejja tagħna ħadu lura f’Diċembru jaraw kif anka Malta, pajjiż li issa qed jiċċelebra għoxrin sena minn dak it-tragward, minn dak id-dħul fl-Unjoni, ikun jista’ jassisti u anke nkomplu nsaħħu ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.”
F’Chișinău, id-delegazzjoni tal-Presidenza tal-OSCE Malta ltaqgħet ukoll mar-Rappreżentant Speċjali dwar is-Sessi, Liliana Palihovici, biex tiddiskuti r-rwol importanti tal-Missjoni tal-OSCE fil-Moldova fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi.