Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, u Chairperson tal-OSCE, Ian Borg, temm iż-żjara tal-Presidenza tal-OSCE fix-Xlokk tal-Ewropa fl-Albanija.
F’laqgħat mal-President tal-Albanija Bajram Begaj u mal-Ministru għall-Ewropa u għall-Affarijiet Barranin Igli Hasani, Borg tkellem dwar diversi temi ta’ tħassib li hemm bħalissa fir-reġjun, filwaqt li saħaq dwar l-impenn biex tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali.
F’kummenti mal-midja, iċ-Chairperson tal-OSCE rrefera wkoll għall-Kunsill Ministerjali tal-OSCE, li Malta se tospita fil-5 u fis-6 ta’ Diċembru li ġej. Din se tkun opportunità sabiex is-57 stat parteċipant ta’ din l-Organizzazzjoni jingħaqdu u jiddiskutu temi reġjonali u aspetti oħra tal-organizzazzjoni importanti, filwaqt li jkomplu jaħdmu lejn futur ta’ reżiljenza, sigurtà u prosperità għal kulħadd.