TradeMalta, għandha Chairperson ġdida hekk kif Liz Barbaro Sant li tokkupa wkoll il-kariga ta’ Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ, issa ħadet post Stephen Sultana.
Sultana kien ilu jokkupa din il-kariga għal sentejn.
Dan tħabbar waqt il-laqgħa ġenerali annwali li saret minn TradeMalta fil-jiem li għaddew.
Crew ta’ ONE News, iltaqa’ ma’ Barbaro Sant sabiex jieħu r-reazzjoni tagħha dwar din il-kariga ġdida.
Filwaqt li hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha, tenniet li l-internazzjonalizzazzjoni saret dejjem aktar importanti għall-kompetittività ta’ intrapriżi ta’ kull daqs. Dan hekk kif spjegat li din tagħti indipendenza vera miċ-ċikli tan-negozju lokali.
Hija spjegat ukoll il-ħidma ta’ TradeMalta sabiex tgħin toħloq pontijiet għal swieq internazzjonali lill-intrapriżi Maltin u Għawdxin.
Barbaro Sant sostniet: “Aħna noffru firxa ta’ servizzi għal kumpaniji li qed jippjanaw jagħmlu n-negozju barra minn xtutna. Aħna ngħinu kumpaniji ta’ kull daqs u kull industrija. Aħna nipprovdu programmi ta’ taħriġ ta’ kif għandek tagħmel in-negozju fuq livell internazzjonali. Namministraw għadd ta’ skemi ta’ inċentivi u training u nippromwovu opportunitajiet ta’ training madwar id-dinja.”
Tkellmet ukoll dwar l-effetti tal-pandemija fuq in-negozji u b’hekk l-għarfien li kumpanija dejjem tkun miftuħa għal orizzonti ġodda.
Hija saħqet: “Il-Covid uriet l-importanza li kull kumpanija tiddiversifika u għalhekk qegħdin hawn aħna biex ngħinu dawn il-kumpaniji jkomplu jsaħħu jkabbru x-xogħol tagħhom barra minn xtutna.”