Irridu ninċentivaw, ninvestu u nbidlu biex l-Awtorità tkun aktar effettiva. Din hija l-viżjoni li fissrilna l-Perit David Xuereb li ftit tal-ġimgħat ilu nħatar Chairman għall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA.
F’intervista ma’ ONE News il-Perit fisser kif illum il-ġurnata, is-soċjetà saret tapprezza ħafna aktar is-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, speċjalment issa wara pandemija globali.
Huwa qal, “U nifhmu allura s-saħħa kemm għandha tifsira aktar wiesgħa, u naħseb l-OHSA għandha tadatta biex tavvazna għal dik li hi saħħa fiżika u anka psikoloġika, biex l-awtorità tkun qisha Pulizija fuq il-ħaddiem u min iħaddem biex jekk nagħmlu r-regoli kulħadd iżomm magħhom.”
Hawnhekk semma l-importanza tat-teknoloġija u kif din tista’ ttejjeb ħidmet l-Awtorità u l-ambjent fuq il-post tax-xogħol: “Bla dubju ta’ xejn, naħseb ma nistgħux ninjoraw il-fatt li t-teknoloġija għandha impatt u se jkollha impatt aktar b’saħħtu milli kellha dan l-aħħar. Jien nippretendi li nara l-OHSA tinvesti fin-nies tagħha u fl-edukazzjoni tal-poplu u tal-impjegati, imma anke fit-teknoloġija, biex tgħinna nnaqsu riskju u nkunu viġilanti fuq il-post tax-xogħol billi nkejlu.”
Bħalissa l-Awtorità qed taħdem fuq pjan ta’ azzjoni li se jserviha ta’ gwida għas-snin li ġejjin, u fiha ċ-Chairman assigura li tkun indirizzata s-saħħa mentali tal-impjegati u ta’ min iħaddem.
Xuereb sostna: “Naħseb li l-effetti tal-pandemija u s-saħħa psikoloġika tagħna se jsiru parti ċentrali ta’ kif noħorġu u nindirizzaw il-pandemija, imma anke biex inkejlu s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegat, biex wieħed ikun jifhem id-drittijiet tiegħu.”
Ma’ ONE News Xuereb iddiskuta t-triq ’il quddiem wara d-deċiżjoni tal-FATF u fisser li l-OHSA jaf tkun għodda kruċjali biex timbotta n-negozji lejn l-ekonomija l-ħadra u prattiċi tajbin oħra.
Huwa stqarr: “Il-punt hu li għandna bżonn niffokaw fuq l-affarijiet l-oħrajn bħal tibdil fil-klima u d-dikarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna, li jaf jaħdem ħafna biex mhux biss jindirizza l-greylisting, imma jpoġġina f’pożizzjoni aktar b’saħħitha malli noħorġu miċ-ċirkostanza. L-ekonomija ħadra ma tiġix għax niżirgħu s-siġar jew nagħmlu pjanti biss, imma tiġi b’negozji li jisserjaw f’kull ambitu li jkejlu l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Allura hekk qed ikejlu wkoll u jtejbu s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati u tas-soċjetà sħiħa.”