Malta kienet fost il-ftit pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn bejn l-2006 u s-sena li għaddiet esperjenzaw tnaqqis fin-numru ta’ żgħażagħ ta’ bejn 20 u 24 sena li la huma fit-taħriġ u lanqas fl-edukazzjoni.
Bl-ikbar tnaqqis iseħħ fl-aħħar tliet snin. It-tnaqqis ta’ kważi 1% poġġa lil Malta fost l-aħjar pajjiżi f’dan is-settur li huma l-Olanda, il-Lussemburgu, id-Danimarka, l-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Awstrija. Kollha pajjiżi fejn dawk żgħażagħ li la għandhom xogħol u lanqas impjieg kienu taħt l-10%.
Iżda, l-ikbar kisba li għamlet Malta kienet fil-fatt li żdiedu b’mod konsiderevoli dawk bejn għoxrin u 24 sena li qegħdin esklussivament fl-edukazzjoni. Filwaqt li fl-2006 din ir-rata kienet ta’ 19.1% , is-sena li għaddiet telgħet għal 24.5%. Hemm imbagħad 11.8% li filwaqt li għandhom xogħol għandhom impjieg. Fl-2006 din ir-rata kienet ta’ 7.2%.
Dan it-titjib huwa riżultat ta’ iktar investiment fl-edukazzjoni u fi programmi maħsuba biex ma jitilfux iż-żgħażagħ kmieni mis-sistema edukattiva. Dan bil-għan li jkollhom ġejjieni aħjar. Waħda mill-miżuri bl-ikbar riżultati hija dik tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Garanzija li llum hija ta’ eżempju għal pajjiżi oħra fl-Ewropa fejn wieħed minn kull ħames persuni żgħażagħ bejn l-20 u l-24 sena mhumiex f’impjieg.