Iċ-ċertezza li mistennija ġġib magħha r-riforma fil-liġi tal-kera, li tħabbret aktar kmieni din il-ġimgħa, se tkun il-bidla ewlenija li l-liġi l-ġdida se tiggarantixxi. Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt intervista li xxandret fuq ONE Radio il-Ħadd filgħodu.
Hawnhekk fisser li waħda mill-affarijiet li kienet tkidd lil ħafna kienet żieda mhux mistennija fil-kera fl-aħħar tax-xahar. Kien għalhekk li fost il-bidliet inklużi fil-liġi l-ġdida hija li kirja mill-1995 s’issa, b’eċċezzjonijiet bħal kirjiet lil turisti, ikollhom kuntratt irreġistrat. Fin-nuqqas ta’ dan, is-sid kapaċi jeħel multi ħorox ħafna.
“Irrid ikun hemm kuntratt. Sal-lum il-ġurnata ħafna minn nies li qegħdin f’kera m’għandhomx kuntratt. M’għandhomx biċċa karta… Ma titwemminx imma hekk hi,”
“Dan il-kuntratt ma jistax ikun għal inqas minn sena. F’dak il-kuntratt int taf eżatt kemm se tħallas għal matul dik is-sena.”
Il-liġi tgħid ukoll li jekk sid il-kera jrid jew jgħolli l-kirja jew jagħmel għażliet oħra ta’ x’jagħmel bil-proprjetà tiegħu jrid jagħti avviż tliet xhur bil-quddiem. Jekk dak l-avviż ma jingħatax il-kirja tibqa’ għaddejja. Fl-istess ħin, il-Gvern naqqas it-taxxa fil-kirjiet.
Qal ukoll li sal-lum f’dan is-settur kellna ġungla u hawn spjega kif il-gvern ma setax jintervjeni b’mod goff. Dan għax meta seħħ hekk is-sidien li raw regolamenti eċċessivi neħħew il-proprjetà tagħhom mis-suq tal-kirjiet u hekk kien jerġa’ jikber il-fenomenu tal-postijiet vojta.
Il-gvern ma riedx lanqas li jfassal liġi restrittiva li tkun sfidata quddiem il-Qrati fejn dawn jgħidu li tikser id-dritt tal-bniedem.
Il-Prim Ministru emfasizza kif il-gvern irid jinċentiva wkoll biex ikun hemm kuntratti iktar fit-tul. Dan b’inċentivi finanzjarji skont il-proprjetà u t-tul tal-kirja.
“Inti għandek kuntratt ta’ sentejn jew tlieta li tista’ tgħolliha mhux aktar minn 5% skont l-inflazzjoni fil-qasam. Jekk tikri u ma tgħollix u lil dak li jkun tagħtih ċertezza sena għal sena, jien bħala Gvern ħa ntik prattikament donazzjoni.”
Il-Prim Ministru fisser kif il-gvern lest jisma’ iktar anke meta l-liġi tersaq quddiem il-parlament qabel il-btajjel tas-sajf. Il-Prim Ministru tkellem dwar kemm din hija bidla kbira u r-reazzjoni li kien hemm turi l-bilanċ li ntlaħaq fit-tfassil ta’ din il-liġi.
Meta tkellem dwar il-qasam tal-kostruzzjoni l-Prim Ministru tenna li xi ħaġa kien hemm bżonn li jsir, tant li kienet il-Kamra tal-Periti stess li qalet li s-settur qiegħed fi kriżi.
“Ir-regoli sempliċiment jispeċifikaw dak li suppost kien qed isir. Ma naħsibx li dħalna f’sitwazzjoni fejn speċifikament ivvintajna xi ħaġa ġdida imma iktar minn hekk speċifikajna affarijiet li suppost diġa’ qegħdin isiru. U li r-responsabbiltà tkun qed tintrefa veru.”
Il-Prim Ministru li rrefera għall-irwol tal-uffiċjal tekniku tas-sit, li se jibda’ jkun preżenti x’ħin jittieħdu deċiżjonijiet, jew isiru affarijiet, kruċjali. Innota wkoll li għal din il-pożizzjoni l-Gvern se jagħti ċans għal professjonisti li jħossu li huma lesti jidħlu għal din ir-responsabbilta fosthom l-inġiniera u studenti li qed jikkwalifikaw mill-MCAST f’korsijiet speċjalizzati marbuta mal-kostruzzjoni.