Mit-Tnejn, iċ-ċentru tat-tilqim għall-COVID-19 li kien fil-binja Gateway fl-Università ta’ Malta ngħalaq u minflok intrama ċentru biswit dak li hemm għall-ittestjar għall-COVID-19 fil-Park&Ride tal-Luxol.
Min imur għat-tilqim issa jista’ jibqa’ fil-karozza, fi proċess li jdum biss ftit sekondi.
Il-koordinatur tal-programm tat-tilqim għall-Covid-19, Jorgen Souness, qal li kull min għandu appuntament iddatat mil-lum ’il quddiem għall-Università ta’ Malta għandu jmur jieħu t-tilqima l-Luxol minflok. Fil-fatt, dawn in-nies qed jiġu kkuntattjati biex jgħarrfuhom dwar it-tibdil fil-post.
Jorgen Souness qal li l-proċess huwa wieħed li ma jdumx, anke fl-ittestjar għall-COVID-19.
Qal, “Illum il-ġurnata jista’ jixtri t-test kit, jittestja d-dar. Ovvjament, in-numri tal-iswabs overall, madwar Malta kollha, naqsu. Dan jirriżulta wkoll anke minħabba li persuni ħadu l-vaċċin, ħadu t-tieni doża tal-vaċċin, tal-booster, jew anke l-ewwel doża tal-booster, allura l-każijiet huma baxxi.”
Bħalissa qed jitlaqqmu bit-tieni doża tal-booster persuni li għandhom ’il fuq minn 65 sena.
Qal, “Persuni li rċivew l-appuntament tagħhom u jixtiequ jattendu mar-raġel jew mal-mara tagħhom u għandhom appuntament differenti, inħeġġuhom biex flimkien jattendu ma’ dik il-persuna u jingħata d-doża wkoll.”
F’dan iċ-ċentru qed imorru wkoll persuni li, għal xi raġuni, ma ħadux l-ewwel doża tal-booster.
Qal, “Persuni li jkunu jridu għadhom jieħdu l-ewwel booster jew anke, għal xi raġuni jew oħra, immissjaw l-appuntament tat-tieni doża tagħhom, jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntattjaw 145. Dawn jagħtuhom appuntament biex, kemm jista’ jkun, iżommu miegħu. Però, jekk għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jaqbdu 145 jew, b’xi mod jew ieħor, ikunu jridu d-doża imminenti, jistgħu jiġu hawnhekk u aħna nagħtuhielhom.”
Il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-8 ta’ filgħodu sas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar. It-tfal jistgħu jittieħdu kull nhar ta’ Ġimgħa bejn it-tmienja u nofsinhar.