Sal-aħħar tas-sena, iċ-Ċentru tas-Saħħa Reġjonali f’Raħal Ġdid, imsemmi għat-tabib Ċensu Moran, mistenni jilqa’ l-ewwel pazjenti.
Dan hekk kif ix-xogħol fuq il-binja miexi b’ritmu mgħaġġel u bħalissa qed jissaqqaf it-tieni sular. Huwa ppjanat li fi żmien tliet xhur, titlesta l-istruttura prinċipali ta’ seba’ sulari.
L-Inġinier Andrew Vella Zarb, li qed imexxi l-proġett, spjega x-xogħlijiet maġġuri li saru fl-aħħar xhur.
Spjega li “apparti x-xogħol ta’ tħaffir, kien hemm bżonn intervent qawwi fuq il-ħajt li għandna warajna, li kellu bżonn jiġu ssudat minħabba li għandu binja ta’ importanza nazzjonali ħdejh. Saru x-xogħlijiet u tlestew, inbnew diġà tliet sulari mill-binja, hawnhekk qegħdin fil-basement level fejn ħa jkun hawn il-maġġoranza tal-installazzjonijiet. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li nagħlqu l-aħħar żewġ sulari u nofs, b’hekk il-qafas tal-bini jkun lest.”
Minn dan iċ-ċentru, li x-xogħol fuqu qed isir b’investiment ta’ erbgħin miljun ewro, se jingħataw aktar minn ħamsa u għoxrin servizz fosthom servizzi li sa issa jiġu offruti biss f’Mater Dei.
Meta żar ix-xogħlijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne spjega ma’ dan l-istazzjon kif dan qed isir biex il-kura u anki l-prevenzjoni, dejjem tersaq aktar viċin iċ-ċittadin.
“Dan iċ-ċentru mhux ħa jkun biss ċentru li joffri servizzi li nsibu biss fil-polyclinics, imma ħa jkun qed joffri servizzi li sa issa nsibuhom biss fl-isptarijiet. Per eżempju, ħa jkollna faċilità li jsiru l-operazzjonijiet li huma day cases, ħa jkollna klinika tad-dentistrija, ħa nagħtu servizz ta’ saħħa mentali, ukoll ta’ saħħa sesswali, jiġifieri dan iċ-ċentru li sal-aħħar tas-sena jibda jilqa’ l-pazjenti, ħa jkun qiegħed joffri disgħa u għoxrin servizz lill-klijenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta, ħafna minnhom għall-ewwel darba barra l-isptarijiet tagħna” spjega d-Deputat Prim Ministru.
Chris Fearne fakkar kif dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern fis-settur tas-saħħa, li anki f’pandemija baqa’ jaħdem biex itejjeb u jżid mas-servizzi li diġà jeżistu.
Qal li “bqajna għaddejjin xorta bis-servizzi tas-saħħa l-oħrajn li ma kinux Covid, mhux biss bqajna għaddejjin imma qed inżidu s-servizzi wkoll, mhux biss servizzi mediċi imma anki ta’ infrastruttura biex anki għax-xhur u s-snin li ġejjin, inkomplu dejjem intejbu s-servizzi li qed noffru diġà eċċellenti lill-poplu Malti u Għawdxi.”