Iċ-ċentru tal-immigranti ġewwa l-Marsa jinsab fi stadju avvanzat biex jingħalaq kompletament, mingħajr ma jitpoġġa piż ġdid fuq lokalitajiet oħrajn.
Kienet din il-miżura li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri aċċenna għaliha waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta li rridu għal Uliedna” u li tat rendikont tal-miżuri ewlenin li tħabbru fil-Budget għal dan il-Ministeru.
Fost oħrajn il-Ministru Camilleri tenna li sa nofs is-sena d-dieħla se jingħalaq iċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa biex b’hekk iż-żona tingħata lura lill-Marsin f’qagħda rijabilitata.
’Il quddiem din iż-żona se tkun qed tintuża mill-għaqdiet u żgħażagħ Marsin.
Tul id-diskors tiegħu l-Ministru tenna li dan jista’ jsir hekk kif il-ħidma u l-politika tal-Gvern fil-qasam tal-immigrazzjoni kienet suċċess. Xhieda ta’ dan huwa t-tnaqqis drastiku fin-numru ta’ wasliet ta’ immigranti fl-aħħar xhur.
Dan filwaqt li kien hemm rekord ta’ immigranti li ġew irritornati hekk kif instab li ma kellhom l-ebda dritt għall-ażil. Il-Ministru Camilleri hawn tenna li l-piż inqasam ukoll ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn.
Intant dwar dan, il-Ministru tenna kif Malta mhux se tkun sensittiva ma’ immigranti li jidħlu f’pajjiżna b’mod irregolari għal skopijiet ekonomiċi.
Il-Ministru rrimarka kif se jibqgħu jsiru l-investimenti neċessarji kollha fil-korpi ddixxiplinati ta’ pajjiżna sabiex ikomplu jżidu r-riżors uman u jtejbu t-tagħmir.
Dan l-investiment fost oħrajn se jmur għall-Korp tal-Pulizija hekk kif mis-sena d-dieħla se jkunu qed jilbsu uniformi ġdida.
Fakkar ukoll fil-proġett tal-pulizija fil-komunità, li se jkun estiż.
Dan filwaqt li se tiġi sostnuta l-ħidma tal-Aġenzija għas-Sapport tal-Vittmi li tappoġġja lill-vittmi tal-kriminalità permezz ta’ ingaġġ ta’ aktar ħaddiema u professjonisti.
Huwa fakkar ukoll dwar prattiċi ġodda li se jiddaħlu biex itejbu s-sistema tas-Servizzi Korrettivi bħal dik tal-electronic tagging: “Għall-ewwel darba f’pajjiżna qed naraw li nimxu lejn low security prison within prison walls stess. Li jkun hemm l-ewwel ċentru rijabilitattiv li jilqa’ numru kbir ta’ persuni. Qed nitkellmu dwar 140 persuna li jistgħu jgawdu minn dan iċ-ċentru rijabilitattiv waqt li jkunu qed iservu s-sentenza fil-konfront tagħhom.”